Emerġenza Għawdex: “Bla tabib, 6 infermiera jistennew”

Read in English.

Mara li ppruvat tagħmel użu mis-servizz tal-emerġenza fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex qalet li għamlet siegħa tistenna u t-tabib ma tfaċċax, filwaqt li kien hemm sitt infermiera li ma kienu qed jagħmlu xejn.

Din mhix l-ewwel darba li persuni lmentaw ma’ Newsbook.com.mt dwar is-sitwazzjoni tal-emerġenza f’Għawdex, madanakollu kelliema għall-Isptar Ġenerali t’Għawdex ċaħdet li kien hemm ħin fejn ma kienx hemm tabib.

Ma’ Newsbook.com.mt il-mara semmiet kif ix-xahar li għadda kellha uġigħ kbir f’widnejha u marret l-Emerġenza, minkejja li mhix persuna li tuża s-servizz tal-emerġenza għalxejn b’xejn, “ħlief f’każijiet ġenwini ta’ bżonn”.

Irrimarkat li spiċċat telqet mill-isptar għax ma nqdietx u saħqet li t-tobba fl-Emerġenza għandhom ikunu preżenti 24 siegħa kuljum.

Meta kkuntattjata minn Newsbook.com.mt, kelliema għall-Isptar Ġenerali t’Għawdex sostniet li t-tobba jkunu preżenti 24 siegħa kuljum. Irrimarkat li l-istaff kollu tal-isptar jaħdem sabiex il-pazjent jingħata servizz fil-ħin u ta’ kwalità. Spjegat li dawk kollha li jmorru l-Emerġenza għandhom iżommu f’moħħhom li f’ċertu waqtiet l-isptar ikollu influss ta’ pazjenti u b’hekk ikun hemm ħin ta’ stennija “forsi kemxejn itwal mis-soltu”.