Emendi se joffru għażliet ikbar ta’ kunjomijiet wara ż-żwieġ

Clifton Fenech (DOI)

Read in English.

Emendi għall-Kodiċi Ċivili li tressqu għat-tieni qari fil-Parlament mistennija jagħtu firxa akbar fl-għażla tal-kunjom li l-konjuġi jistgħu jagħżlu wara ż-żwieġ.

Dawn l-emendi jsegwu l-Att 23 tal-2017 li daħħal l-ugwaljanza taż-żwieġ u indirizza kwistjonijiet oħra li jittrattaw iż-żwieġ. Però, dan l-att ipprovda għażla ta’ kunjomijiet li jistgħu jassumu l-konjuġi meta jiżżewġi li kienet aktar ristretta minn qabel.

B’dawn l-emendi, spega s-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza Alex Muscat, il-koppji se jkollhom l-għażliet kollha possibli meta jiġu biex jagħżlu l-kunjom wara ż-żwieġ.

Il-konjuġi se jkunu jistgħu jagħżlu li jżommu kunjomhom,jieħdu l-kunjom tal-parti l-oħra u jwaqqgħu taġħhom, jew iżidu l-kunjom tal-parti l-oħra ma’ tagħhom f’liema ordni li jridu, mingħajr ma jimponu fuq il-parti l-oħra biex tagħmel l-istess. Madankollu, il-koppja tkun trid taqbel fuq il-kunjom tal-familja li eventwalment trid  tgħaddi lil uliedha.

L-emendi ma jagħmlu l-ebda distinzjoni bejn tfal li twieldu fiż-żwieġ u dawk li twieldu barra ż-żwieġ. Persuni li se jiżżewġu wara li jkunu ddivorzjaw jew sfaw romol jistgħu jagħżlu li jżommu kemm il-kunjom tat-twelid kif ukoll il-kunjom li kellhom fiż-żwieġ ta’ qabel fil-kompożizzjoni tal-kunjom il-ġdid.

“Għaliex irrid qabel xejn nenfasizza li l-istess għażla trid tkun disponibbli għal tfal imwielda barra miż-żwieġ. Nemmnu li m’għadux żmien li nagħmlu dawn id-distinzjonijiet bejn l-ulied. L-ulied kollha għandhom ikunu ugwali f’familja, maħbuba bl-istess mod, u dan għandu jkun rifless anke fl-għażla tal-kunjom,” spjega Muscat.

L-emendi għandhom japplikaw retrospettivament: wara li jsiru liġi, il-koppji kollha miżżewġin se jkollhom ħames snin biex ibiddlu kunjomhom skont l-emendi preżentati jekk jixtiequ jagħmlu dan.