​Emendi liġi embrijun: Il-President imħassba u titlob għal perjodu itwal

Il-President Marie-Louise Coleiro Preca appellat għall-kalma u għall-perjodu itwal ta’ riflessjoni sabiex jinstemgħu l-vuċijiet dwar l-emendi li qed jipproponi l-Gvern għal-liġi dwar il-protezzjoni tal-embrijuni.
L-emendi jinkludu l-iffriżar tal-embrijuni għall-addozzjoni u li ssir konsultazzjoni pubblika biex il-kiri tal-ġuf f’xi każi ma jibqax kontra l-liġi.
Fi stqarrija, il-President esprimiet it-tħassib tagħha dwar id-dibattiti, li fi kliemha qed ikunu polarizzati.  Semmiet ukoll l-ostilità li “sfortunatament qed toħroġ minn dibattiti pubbliċi”.
Enfasizzat li dawn ma jgħinux biex jiġu mifhuma b’mod olistiku l-implikazzjonijiet umani, soċjali, etiċi, u mediċi.
Coleiro Preca saħqet li t-trattament tal-IVF hu suġġett delikat li jeħtieġ  li jkun diskuss f’ambjent seren, u li jibbilanċja l-qsim il-qalb li jaffaċċjaw koppji bla tfal, ma’ kwistjonijiet etiċi sensittivi li għandhom x’jaqsmu mad-drittijiet tal-embrijuni.
Il-President Coleiro Preca offriet ukoll li timmedja d-dibattitu dwar is-suġġett.
Stiednet lill-Parlamentari, is-soċjetà ċivili, u l-partijiet interessati kollha, biex jinġabru madwar mejda biex ikollhom dibattitu infurmat li jgħaqqad flimkien il-konsiderazzjonijiet etiċi u morali mal-għarfien xjentifiku għal-liġi, li tkun tirrifletti b’mod sħiħ il-potenzjal mediku u l-implikazzjonijiet pożittivi u negattivi għas-soċjetà.
"Ilqgħu t-talba tal-President; Agħtu kasha" – Fondazzjoni Life Network;  Fondazzjoni Gift of Life
Il-Fondazzjoni Life Network irringrazzjat lill-President tal-intervent tagħha fid-diskussjoni u stiednet lil partijiet interessati biex jilqgħu t-talba tagħha għal medjazzjoni.
Filwaqt li esprimiet qbil magħha, il-Fondazzjoni reġgħet insistiet li hemm bżonn li nagħtu każ id-drittijiet tat-tfal li jitwieldu minn dawn il-proċeduri, u li ma jagħmilx sens li nagħmlu oġġetti minn uliedna.
Anke l-Fondazzjoni Gift of Life appellaw lir-rappreżentanti tal-pajjiż biex jagħtu każ il-parir tagħha. 
L-Arċisqof Charles Scicluna u l-Isqof Mario Grech esprimew mill-ewwel it-tħassib tagħhom li l-emendi proposti mill-Gvern fl-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijun, se joħolqu orfni ġodda "bi pjan".
L-eks Segretarju Parlamentari Deborah Schembri qalet li ma taqbilx mal-iffriżar tal-embrijuni u lanqas mal-kiri tal-ġuf, għax sostniet li t-tfal mhumiex “oġġetti ta’ kuntratt”.
L-eks Ministru għall-Affarijiet Barranin u speċjalista rtirat fill-mediċina tal-familja, Dr George Vella stqarr li jemmen bis-sħiħ li l-ebda leġiżlatur b’kuxjenza tajba ma jista’ qatt japprova ċerti prattiċi fl-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni.
L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Pedjatri ħarġet ukoll kontra l-emendi fil-liġi tal-iffriżar tal-embrijuni.
Nhar il-Ħadd li għadda, Dr Miriam Sciberras mil-Life Network Foundation insistiet li "jien u int kollha konna embrijuni".
Madanakollu, il-Kummissarju għat-Tfal Pauline Miceli u Alternattiva Demokratika qalet li hi favur l-iffriżar tal-embrijuni.