Emendi li “jimmodernizzaw il-partit”; l-isem se jibqa’ PN

Read in English.

L-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista li ltaqa’ bejn ilbieraħ u llum fid-Dar Ċentrali approva serje ta’ emendi għall-istatut li skontu huma maħsuba li “jimmodernizzaw il-partit, jagħtuh xejra ġdida u jintroduċu sensiela ta’ elementi ġodda għall-istruttura u l-organizzazzjoni tal-partit”. Il-membri ma approvawx bidliet fl-isem jew fil-motto tal-partit li ilu mwaqqaf 140 sena.

Il-President tal-Eżekuttiv Alex Perici Calascione ddeskriva dawn id-diskussjonijiet fl-aħħar jumejn bħala diskussjoni “miftuħa, intensa u validissima”.

Issa l-abbozz tal-istatut se jmur quddiem il-Kunsilliera biex jiġi approvat mill-Kunsill Ġenerali li mistwnni jitlaqqa’ wara s-sajf.

Dan il-proċess ta’ tiġdid fil-PN kien qed jitmexxa minn Louis Galea li fuq inkarigu mill-Kap tal-Partit f’Lulju li għadda, mexxa l-konsultazzjonijiet fil-partit kif ukoll ma’ għadd ta’ persuni li urew interess fil-proċess tar-riforma u tiġdid tal-PN.

Isem u motto

L-Abbozz tal-istatut ippubblikat onlajn fuq il-website tal-PN stess jgħid li l-isem propost tal-partit kellu jkun “Partit Nazzjonalista – Partit Nazzjonali tal-Poplu” iżda fil-verżjoni tal-istatut li approva l-Eżekuttiv ma hemm l-ebda referenza għall-“Partit Nazzjonali tal-Poplu”. Sorsi fl-Eżekuttiv qalu ma’ Newsbook.com.mt li dan sar minħabba li d-diskussjoni fost il-membri għandha tkun iffukata il-bidliet fundamentali u mhux fuq l-isem.

Differenza oħra li tidher bejn iż-żewġ abbozzi hija r-referenza għall-motto tal-partit. Fl-abbozz oriġinali jingħad li “Għas-Servizz Tagħkom” huwa l-motto tal-partit iżda fil-verżjoni approvata llum mill-Eżekuttiv din ma tissemmix. Osservaturi politiċi li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li l-motto tal-partit ma kellu jkun qatt fl-istatut peress li kien qed joħloq kontroversja għalxejn.

Waqt li kien intervistat dalgħodu mill-Editor-in-Chief ta’ Newsbook.com.mt Sylvana Debono, il-Kap tal-PN Adrian Delia qal li mhux minnu li l-Partit qed iwarrab il-valuri tradizzjonali Maltin għax ried jibdel il-motto. Delia qal li wieħed mill-clusters li huwa ħabbar il-ġimgħa li għaddiet huwa propju l-Identita Maltija.

Sitt taqsimiet u 170 artikolu

Il-PN fi stqarrija qal li l-abbozz finali għall-approvazzjoni tal-kunsilliera fih sitt taqsimiet u 170 artikolu. L-istqarrija tgħid ukoll li t-timbru li joħroġ ċar mit-tibdil propost hu ta’ Partit Nazzjonalista “bħala partit tan-nies b’vokazzjoni li kull min jaħdem fih irid iservi biss l-interess tal-ġid komuni tal-poplu Malti u Għawdxi”.

Il-Kumitat Eżekuttiv approva stqarrija ġdida ta’ missjoni u viżjoni li tirrifletti l-valuri u l-ideali li dejjem ħaddan il-partit aġġornati għall-bidliet u l-bżonnijiet tas-soċjetà llum.