Emendi għall-Att taż-Żwieġ: rifjutata l-Oġġezjoni tal-Kuxjenza għal-lajċi

Id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi appella biex il-liġi li se tippermetti żwieġ ċivili bejn koppji tal-istess sess tikkontempla l-kunċett ta’ Oġġezzjoni tal-Kuxjenza għal-lajċi
Huwa qal li l-liġi, ġustament, teżenta uffiċjali reliġjużi milli jgħaqqdu fi żwieġ ċivili persuni tal-istess sess. Ippropona li din l-eżenzjoni tiġi estiża għal-lajċi li joġġezzjonaw skont il-kuxjenza.
Il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonniċi u d-Deputat Nazzjonalista Mario DeMarco oġġezzjonaw. Sostnew li uffiċjal pubbliku huwa obbligat jimplimenta l-liġi u l-Parlament ma għandux idaħħal eżenzjonijiet mil-liġi. Bonniċi żied li f’każ simili, uffiċjal, irid iressaq kawża Kostituzzjonali. Qal ukoll li l-istess jgħodd għal Sindku li jkun parti minn soċjetà reliġjuża.  Saħaq li eżenzjoni toħloq diskriminazzjoni bejn koppji eterosesswali li jżewwiġhom is-sindku u koppji tal-istess sess li jżewwiġhom uffiċjal ieħor.
Azzopardi sostna li dan potenzjalment qed jikser id-drittijiet tal-persuna.
Il-Ministru għall-Ugwaljanza Helena Dalli fakkret li Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tat sentenza fejn dulċier ma jistax jirrifjuta, a bażi ta’ oġġezzjoni tal-kuxjenza, li joffri s-servizzi tiegħu lill-koppji tal-istess sess.
Id-dibattitu dwar l-oġġezzjoni tal-kuxjenza tqajjem fi tmiem id-diskussjoni fi stadju ta’ Kumitat dwar l-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar iż-Żwieġ u Liġijiet oħrajn. Id-diskussjoni ta’ llum iffukat primarjament fuq emendi għall-Kodiċi Ċivili biex kliem li jirreferu speċifikament għall-ġeneru maskili jew femminili jiġu mibdula minn termini newtrali.
Permezz ta’ dawn il-bidliet, ġaladarba l-abbozz isir liġi, kliem bħal ‘raġel’, ‘mara’, ‘omm’, ‘missier’, ‘mart’, jew ‘żewġt’ effetivament jitneħħew mill-Kodiċi Ċivili u jkunu mibdula minn termini ta’ newtralità fir-rigward tal-ġeneru bħal ‘konjuġi’.
Fl-istess ħin, prefissi ta’ verbi bil-Malti li min-natura tagħhom jindikaw il-maskil u l-femminil inżammu fil-forma oriġinali. Dan fid-dawl tal-fatt li l-grammatika tal-Malti ma tikkontemplax ġeneru newtrali. Dan wassal biex waqt li l-verżjoni Ingliża tuża kliem newtrali bħal born, il-verżjoni bil-Malti żżomm il-kliem ‘twieled’ jew ‘twieldet’.
L-emendi ġew approvati bi ftit li xejn dibattitu. L-emendi tal-Oppożizzjoni biex it-termini newtrali jiżdiedu wara t-termini li jirreferu speċifikament għall-ġeneru maskili jew femminili ma jgħaddux. Eventwalment, it-test kif propost mill-Gvern għadda mingħajr oġġezzjoni.
L-iter leġislattiv dwar l-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar iż-Żwieġ u Liġijiet oħrajn ikompli nhar l-Erbgħa hekk kif il-Parlament mistenni japprova l-abbozz kif emendat fit-Tielet Qari. Eventwalment, il-proċess jiġi fi tmiem bil-firma tal-President u l-pubblikazzjoni tal-Att fil-Gazzetta tal-Gvern.