Emendi fil-liġi biex jiċċaraw fejn tista’ ssir kamra tan-nar

Interpretazzjoni ta’ liġi mill-Qrati Maltin dwar it-terminoloġija ‘triq’ li wasslet il-Gvern biex iressaq emendi fl-abbozz ta’ liġi li temenda l-ordinanza dwar l-isplussivi.
Waqt li kien qed jiftaħ id-dibattitu, il-Ministru tal-Intern u Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia qal li ftit tal-ġimgħat ilu, il-Qorti tal-Appell għalqet b’effett immedjat il-kumpless tan-nar ta’ Santa Marija tal-Mosta li kien jinsab fil-limiti taż-Żebbiegħ wara kwistjoni legali kienet ilha tkarkar 30 sena.
Huwa qal li l-Qorti tat raġun lill-grupp ta’ bdiewa f’għelieqi fl-inħawi wara li l-pożizzjoni tal-kamra ma kenitx tirrispetta d-distanza ta’ 183 metru minn triq.
Il-Ministru  Michael Farrugia qal li din l-interpretazzjoni tal-liġi li ngħatat dan l-aħħar wasslet lill-Gvern biex jagħti definizzjoni iktar ristretta biex ma tħalli l-ebda lok ta’ interpretazzjoni.
Min-naħa tiegħu, id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami qal li kieku kellha tkun applikata l-liġi skont din l-aħħar sentenza, kull kamra tan-nar tkun trid tagħlaq il-bibien tagħha. Fenech Adami qal li dawn l-emendi għandhom l-appoġġ tal-Oppożizzjoni. “Il-Malti jgħid li min jilgħab man-nar jinħaraq u jekk tkun f’kamra tan-nar, ir-riskju li tinħaraq hu ikbar. Fil-fatt mill-1882 l’hawn mietu aktar minn 174 persuna f’Malta,” hu qal.
Il-Ministru Michael Falzon qal li hu l-obbligu tal-parlament li jiċċara aspetti fil-liġijiet Maltin u mhix l-intenzjoni tal-Gvern li jdur ma xi sentenza li ngħatat fil-qrati.
Wara l-intervent tad-deputati parlamentari Mario Galea, Godfrey Farrugia, David Agius, Edwin Vassallo u Alex Muscat, l-emendi għaddew mill-istadju tat-tielet qari bit-tibdil.