emCare360 issir sussidjarja sħiħa ta’ 6PM Holdings

6PM plc, waħda mill-kumpaniji ewlenin fis-suq tas-soluzzjonijiet tal-informatika, xtrat l-ishma residwi fil-fornitur tal-kura elettronika u mobbli, emCare360 Limited, mingħand CareMalta Group Limited. Permezz ta' dan, emCare360 saret sussidjarja sħiħa ta' 6PM Holdings. 
F'kummenti li ta dwar dan, il-Kap Eżekuttiv ta' 6PM, Ivan Bartolo, qal li "dan kien il-pass loġiku li jmiss fil-pjan ta' tkabbir strateġiku ta' 6PM. emCare hija kumpanija tat-teknoloġija tal-kura tas-saħħa u kien jagħmel sens niksbu l-50% tal-ishma li kienu fil-pussess ta' CareMalta."
Bartolo żied jgħid li, "wara dan il-pass, emCare se tkompli toffri s-servizzi tagħha f'Malta kemm lill-konsumaturi kif ukoll lis-setturi tan-negozju, li huma primarjament utenti ta' Telecare u ta' CareMalta. Barra minn hekk, 6PM issa se jkollha t-tielet linja ta' prodotti peress li l-prodotti ta' emCare se jiġu kkummerċjalizzati fir-Renju Unit taħt id-ditta 6PM."
emCare360 tipprovdi kura elettronika u mobbli lill-individwi, u toffrilhom indipendenza u serħan il-moħħ, filwaqt li toffri responsabbiltà, effiċjenza u viżibilità lill-organizzazzjonijiet permezz tas-soluzzjonijiet tagħha.
Is-servizzi u l-prodotti kollha huma integrati ma' repożitorju ċentrali li permezz tiegħu emCare360 tkun tista' timmaniġġja r-Rekord Mediku Elettroniku (EMR) għal u f'isem il-klijenti tagħha.