emCare tappoġġja lid-Dar tal-Providenza

emCare pprovdiet lid-Dar tal-Providenza b’soluzzjonijiet ta’ serħan il-moħħ u għajnuna għal waħda mid-djar komunitarja tagħha fil-Qawra, Akkwarell. Bħall-bqija tad-diversi soluzzjonijiet tas-saħħa u għajnuna tal-emCare, il-prodotti huma maħsuba biex iserrħu moħħ ir-residenti, jipprevjenu l-aċċidenti, kif ukoll sabiex dawn ikunu jistgħu jgħixu ħajja iktar indipendenti fid-dar. 
Id-dar komunitarja Akkwarell, li bl-appoġġ neċessarju jgħixu fiha  tliet persuni b’diżabbiltajiet fiżiċi, issa tinkludi l-emCare Hub u l-buttuni ta’ SOS għar-residenti. Grazzi għal dawn il-prodotti, ir-residenti ta’ Akkwarell issa jistgħu jċemplu għal għajnuna immedjata sempliċiment billi jagħfsu buttuna waħda. Il-prodotti ta’ SOS jistgħu jintlibsu bħala brazzuletta jew bħala pendent, u bhekk huma faċilment aċċessibbli f’każ ta’ emerġenza. 
Christine Borg, waħda mir-residenti ta’ Akkwarell, spjegat kif il-buttuna ta’ SOS reċentement għenet biex issalvalha ħajjitha, meta għafsitha biex iċċempel lill-carer fid-dar komunitarja, qabel ma ntilfet minn sensiha. Ir-residenta ttieħdet l-isptar minnufih fejn ingħatat il-kura medika li kien hemm bżonn.  
Waqt li kien qed jitkellem dwar l-appoġġ tal-kumpanija lejn Id-Dar tal-Providenza, li qed tiċċelebra l-50 anniversarju tagħha, Roland Cachia, il-Maniġer ġenerali tal-emCare, qal li “ninsabu kuntenti li qed niċċelebraw l-anniversarju tad-Dar tal-Providenza billi nagħtu l-appoġġ tagħna permezz ta’ mezzi ta’ serħan il-moħħ u għajnuna”.
Fr Martin Micallef, id-Direttur tad-Dar tal-Providenza rringrazzja lil emCare għall-appoġġ tal-kumpanija fl-amministrazzjoni ta’ Akkwarell u biex tgħin lir-residenti tagħha jgħixu ħajja iktar indipendenti.