Emanuel Cushieri jappella għas-serjetà fost id-deputati

L-eks President tal-Partit Laburista Emanuel Cuschieri fuq Facebook appella għal aktar serjetá fost id-Deputati fil-Parlament tal-Partit Laburista.
Dan l-appell sar wara li s-seduta Parlamentari tat-Tlieta filgħaxija ġiet aġġornata minħabba li ma kienx hemm kworum.
Cuschieri qal li fi żmien meta l-Prim Ministru Joseph Muscat qed “jaħdem fl-interess ta' Malta”, id-Deputati Laburista ma kienux preżenti fil-Parlament.
Irrimarka wkoll li dan seħħ meta l-Gvern għandu disa' siġġijiet maġġoranza.
Is-seduta Parlamentari ġiet aġġornata ftit tal-ħin biss wara li l-Oppożizzjoni kienet talbet ruling mill-Ispeaker Anglu Farrugia dwar jekk għandhix tkompli s-seduta Parlamentari.
Fil-manifest elettorali l-Partit Laburista kien ippropona li d-Deputati Parlamentari jibdew jitħallsu skont l-attendenza tagħhom fil-Parlament.
Din il-proposta għadha ma daħlitx fis-seħħ.