Eluf ta’ żgħażagħ Pollakki ngħataw ‘scholarship’ f’Jum il-Papa

Mijiet ta' żgħażagħ fqar Pollakki jingħataw għajnuna mill-Knisja biex ikomplu jistudjaw

Nhar il-Ħadd li għadda li kien il-102 anniversarju mill-aħħar dehra tal-Madonna f’Fatima, fil-Polonja kien ċelebrat għad-dsatax il-darba, Jum Il-Papa.

It-tema taċ-ċelebrazzjonijiet ta’ din is-sena kienet “Qumu, Ejjew nibdew il-Mixja”. Dan il-Jum ikun ċelebrat mill-Fondazzjoni Millenju Ġdid, li tiġbor fondi għal boroż ta’ studju lil żgħażagħ foqra li għandhom talent, ġejjin minn diversi rħula fil-Polonja.

Tul id-19-il sena ta’ din l-attività, il-Fondazzjoni ħadet ħsieb eluf ta’ żgħażagħ minn madwar il-Polonja kollha skont is-sejħa tal-Papa Wojtyla għal “immaġini ġdida tal-ħniena”.

100 sena mit-twelid ta’ Ġwanni Pawlu II

Din is-sena, Jum il-Papa, fetaħ iċ-ċelebrazzjonijiet li qed isiru fl-okkażżjoni tal-100 sena mit-twelid tal-Papa San Ġwanni Pawlu II.

“Aħna nixtiequ nħeġġu mhux biss liż-żgħażagħ, imma lil kulħadd biex jiskopri u jitgħallem mit-tagħlim tal-Papa Ġwanni Pawlu II. It-tibdil kbir li sar fil-Polonja, nafuh lilu. Il-kuraġġ, l-għerf u s-saħħa tal-Ispirtu għenuna nibdlu l-Poloja”, qal  Fr. Dariusz Kowalczyk, President tal-Fondazzjoni Millenju Ġdid.

Bħala parti minn dawn iċ-ċelebrazzjonijiet, madwar il-Polonja kollha  sar Quddies għall-familji u t-tfal biċ-ċelebazzjoni ewlenija ssir fit-Tempju tal-Providenza Divina li jinsab f’Varsavja.

Iċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika tmexxiet mill-Kardinal Kazimierz Nycz, Arċisqof Metropolitan tal-kapitali.

“Irridu niffamiljarizzaw ruħna u liż-żgħażagħ tagħna ma’ Ġwanni Pawlu II, il-qdusija tiegħu, mal-qawwa tat-talb, l-imħabba għall-Knisja u għall-Madonna, kif ukoll mal-ministeru tiegħu”, enfasizza l-Kardinal fl-Omelija tiegħu.

Il-Fondazzjoni Millenju Ġdid twaqqfet mill-Konferenza Episkopali Pollakka fis-sena 2000 wara l-Pellegrinaġġ li l-Papa Ġwanni Pawlu II kien għamel fil-Polonja is-sena ta’ qabel. F’Jum il-Papa tas-sena li għaddiet inġabret is-somma ta’ €1.875 miljun għal żgħażagħ fqar li għadhom talent, biex dawk ikunu jistgħu jkomplu jistudjaw.