“Eluf ta’ żgħażagħ mistennija jiġu Malta għall-parties” – BBC

Malta tinsab fiċ-ċentru tal-attenzjoni taż-żgħażagħ internazzjonalment hekk kif fix-xhur li ġejjin hemm pjanat li jisru erba’ festivals tal-mużika f’pajjiżna.

F’rapport fuq il-BBC, intqal kif dawn il-festivals mistennija jkollhom bħala mistiedna speċjali diversi Dj’s u artisti Ingliżi li fuq il-profili tal-midja soċjali tagħhom qed iħeġġu liż-żgħażagħ biex isiefru lejn Malta biex jattendu għal dawn il-festivals u parties.

Malta, b’popolazzjoni ta’ 450,000 persuna s’issa kellha 786 każ ta’ Covid-19, b’112-il każ attiv u 9 imwiet.

Ir-rapport tal-BBC semma kif fuq il-midja soċjali diversi persuni, inkluż żgħażagħ, qed jesprimu l-inkwiet tagħhom għal fatt li dawn il-festivals u parties li huma mistennija jsiru f’Malta fix-xhur li ġejjin se jikkontribwixxu biex tkompli tinxtered il-pandemija mhux biss f’Malta imma madwar l-Ewropa minħabba n-nies li se jivjaġġaw biex jattendu għal dawn l-avvenimenti.

Sadanittant iktar kmieni llum l-Assoċjazzjoni Medika Maltija rreġistrat tilwima industrijali mal-Gvern fid-dawl ta’ dak li sejħet interferenzi kontinwi mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru fil-ħidma tas-Superindent tas-Saħħa Pubblika. 

Minn nhar it-Tnejn 3 ta’ Awwissu, l-assoċjazzjoni talbet lit-tobba li jaqgħu fil-kategoriji stabbiliti bħala vulnerabbli, biex jagħmlu biss xogħol amministrattiv, bit-telework u jevitaw kuntatt ma’ pazjenti, filwaqt li talbet lit-tobba l-oħra biex jibqgħu jaħdmu ma’ kull pazjent, inkluż dawk vulnerabbli biex ma tonqosx il-kura lejhom.

L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (il-WHO) qalet li ż-żgħażagħ qed ikunu l-ikbar kaġun għat-tixrid u ż-żidiet fil-każijiet tal-coronavirus madwar l-Ewropa. Skont id-direttur tal-WHO, bħalissa madwar l-Ewropa kollha l-maġġoranza tal-każijiet li qed jiġu reġistrati huma żgħażagħ.

Huwa qal li fost raġunijiet oħra, l-maġġornanza ta’ każijiet ġodda qed huma żgħażagħ hekk kif dawn qed isiefru iktar fis-sajf.

Editorjal: M’aħniex id-dustbin tal-Ewropa