Eluf ta’ żgħażagħ isuqu bla ma għamlu l-eżami tas-sewqan

Kważi 20,000 teenager mill-Istat ta’ Georgia fl-Istati Uniti ngħataw il-liċenzja tas-sewwieq mingħajr ma qagħdu għall-eżami tas-sewqan. Il-Gvernatur tal-Istat Brian Kemp ta ordni li l-eżami ma jsirx biex jitrażżan it-tixrid tal-koronavirus.

Kien hemm 19,483 teenager li talbu li jkollhom liċenzja tas-sewwieq proviżorja bil-kunsens tal-ġenitur jew adult responsabbli tagħhom.

Wara li Willa Pevey ta’ 17-il sena nħelset mill-eżami tas-sewqan qalet li  kienet nervuża ħafna dwar l-eżami, l-aktar fejn jidħol il-parking. “Allura kuntenta ħafna li m’għandix nagħmel l-eżami.”

Iżda kien hemm bosta li ma qablux li ngħataw tant liċenzji bla eżami. Sarah Casto, għalliema tas-sewqan, għamlet petizzjoni online fejn talbet lil Kemp ireġġa’  lura l-ordni. Hija qalet li r-riżultat ta’ tant sewwieqa ġodda fit-toroq se jwassal għal  inċidenti stradali katastrofiċi.