Eluf ta’ Tuneżini jipprotestaw f’Tunis

Fit-Tuneżija, eluf ta' Tuneżini nġabru quddiem l-Assemblea Nazzjonali fil-kapitali Tunis  fejn għamlu sejħa biex il-gvern Islamiku jirriżenja.

L-oppożizzjoni għamlet sejħa għal ġimgħa ta' protesti fuq dak li qed jingħad li hu inabbiltà tal-gvern li jiggarantixxu s-sigurtà.

Il-protesti qed isiru xahar wara l-qtil ta' politiku prominenti tal-oppożizzjoni.   Dan kien it-tieni qtil politikament motivat din is-sena.

Il-partit fil-Gvern  l-Ennahda offra li jappoġġja gvern iffurmat mill-partiti kollha iżda ma aċċettax sejħiet li jxolji l-assembea kostitwenti jew ineħħi Prim Ministru Ali Laaraiedh.

Il-folol bdew igħidu li l-poplu jrid l-waqgħa tar-reġim.  Din hija l-istess frażi wżata meta t-Tuneżini neħħew lill-President Zine el-Abidine Ben Ali fl-2011. Il-waqa’ tiegħu ġabet rewwixti madwar id-dinja Għarbija.