Eluf ta’ tfal Sirjani qed jerġa’ jkollhom jaħarbu minn djarhom

Tifla ta’ 10 snin, kellha taħrab flimkien mal-familja tagħha minn Ma’arat Nu’man li issa qed jgħix f’dik li qabel kienet ‘playground’ f’Idlib fit-tramuntana tas-Sirja. Credit: Save The Children.

Hekk kif mewġa ġdida ta’ vjolenza laqtet il-bliet ta’ Idlib u Aleppo fis-Sirja, l-Organizzazzjoni Save the Children kkonfermat li aktar minn 20,000 tifel u tifla Sirjani u l-familji tagħhom, matul l-aħħar xahrejn kellhom jabbandunaw u jaħarbu minn djarhom.

Skont in-Nazzjonijiet Uniti, 14-il tifla u 20 tifel tilfu ħajjithom mill-15 ta’ Jannar ‘l hawn kaġun ta’ din il-vjolenza. F’Jannar biss madwar 37,000 tifel u tifla kienu sfurzati jaħarbu minn djarhom f’xitwa kiefra bi ħwejjeġ ta’ fuqhom senduqhom.

Osservaturi f’Idlib qalu li n-numru ta’ dawn in-nies jaħarbu minn djarhom jista’ jkun akbar mill-istimi uffiċjali. Ħafna minn dawn il-familji diġà kellhom jaħarbu mid-djar tagħhom drabi oħra fl-imgħoddi, uħud minnhom għal aktar minn darba. Huma qed ikollhom jiffaċċjaw aktar riskji anke għal saħħithom.

Jgħixu fit-tined

Tifla ta’ 10 snin kellha taħrab mid-dar mal-familja wara li l-vjolenza żdiedet u issa qed jgħixu taħt tinda f’dak li qabel kien playground. Hi qalet li “bdew jisparaw fuq id-djar tagħna, u aħna bżajna. Ħabtu għas-suq. Ħrabna u ġejna hawn f’Iblid u n-nies laqgħuna. Ħabib tagħha li kienu jgħixu qrib, ukoll kellu jaħrab mal-familja.”

Hu qal lil rappreżentanti ta’ Save the Children: “Il-vjaġġ kien wieħed ikrah. Aħna ħallejna kollox warajna u tlaqna biss bil-ħwejjeġ li kellna fuqna. Ħadd ma ried jeħodna miegħu sakemm il-Bambin bagħat xi nies twajba li ħaduna minn post għall-ieħor sakemm wasalna hawn. Anke hawn, konna bilqegħda fil-kamp u rajna bomba nieżla u waqgħet madwar 200 metru biss minn hawn.

“Hawnhekk is-sitwazzjoni hi ħażina wkoll. Ma hawnx servizzi. Il-kesħa u x-xita qed tgħarraq il-kampjiet. It-tfal imreżżħa u m’hawnx biex nissaħħnu. M’għandna ebda appoġġ,” qal it-tifel imbikkem.

Tfal maqtula

It-tfal fit-Tramuntana tas-Sirja huma l-aktar li qed jintlaqtu ħażin minn dan il-kunflitt u ġlied. F’Lulju tas-sena li għaddiet, f’Idlib inqatlu aktar tfal milli nqatlu matul is-sena 2018 kollha.

Donia Khush, Direttur ta’ Save the Children fis-Sirja qalet li “in-numru ta’ familji li qed jerġgħu jaħarbu minn Idlib u Aleppo hu enormi. Qed nassisti għal mili twal ta’ karozzi mimlija nies jaħarbu minn dawn il-postijiet b’dak li jistgħu jieħdu magħhom biex ifittxu post aktar sigur. Qatt ma rajna daqstant nies jaħarbu minn djarhom.”

Save the Children qed tappella biex tieqaf din il-gwerra fuq it-tfal u biex il-partijiet involuti jirrispettaw il-liġijiet internazzjonali dwar id-drittijiet umani li huma maħsuba biex jipproteġu lit-tfal fiż-żmien ta’ gwerra.

Anke l-Isqfijiet Sirjani ilhom jagħmlu ħafna appelli għall-waqfien mill-ġlied u biex ikunu megħjuna dawn il-familji, bosta minnhom Insara, li qed ikollhom jaħarbu mill-ġlied u bi djarhom imfarrka.

Save the Children u l-imsieħba tagħhom, fosthom il-Knisja, qed jirrispondu għall-ħtiġijiet ta’ dawn it-tfal u l-familji tagħhom billi jipprovdulhom assistenza medika, ikel, edukazzjoni u servizzi ta’ protezzjoni għat-tfal.