Eluf ta’ sigaretti u fliexken tax-xorb ikkonfiskati mid-Dwana

Id-Dipartiment tad-Dwana ikkonfiska eluf ta’ sigaretti u fliexken tal-alkoħol fost l-oħrajn wara diversi ħidmiet f’bosta lokalitajiet madwar Malta.

Fi stqarrija d-Dipartiment spjega li l-Uffiċċjali fi ħdana sabu 3,740 sigarett, 21.6 kilogrammi tat-tabakk, 3,727 flixkun ta’ xorb mhux alkoħoliku, 217-il flixkun tal-inbid u 53 flixkun tal-ispirti bħall-whiskey, vodka, rum, grappa u liquers. Dawn ma kellhomx it-taxxi tas-sisa mħallsa. Instabu wkoll 443 bolla tas-sisa mhux użati.

Il-ħidmiet saru f’numru ta’ ħwienet u stabbilimenti fir-Rabat, Ħad-Dingli, il-Mosta, San Pawl il-Baħar, Tas-Sliema, il-Balluta, San Ġiljan, Paceville, Ħal-Balzan, Ħal-Lija u Marsaxlokk.