Eluf ta’ sigaretti tal-kuntrabandu kkonfiskati mid-Dwana

Read in English.

Matul l-aħħar erba’ ġimgħat, it-Taqsima tal-Infurzar tad-Dwana għamlet diversi sejbiet wara spezzjonijiet varji fi ħwienet madwar Malta, fejn fost l-oħrajn sabet eluf ta’ sigaretti tal-kuntrabandu.

Fi stqarrija, id-Dwana spjegat li l-ispezzjonijiet tagħha kienu ffukati l-aktar fuq ħwienet tal-merċa u supermarkets, bars u ristorante, lukandi, wine bars u kafeteriji. Iżda saru wkoll spezzjonijiet fuq ħwienet tas-souvenirs, ħwienet tal-ispirti u l-inbejjed, barbiera, pet shops u bejjiegħa tal-ħaxix.

B’kollox instabu 25 każ li kienu qed jiksru l-liġi billi kienu qed ibiegħu prodotti tal-kuntrabandu jew prodotti pprojbiti. F’dan il-25 każ, id-Dwana qabdet u kkonfiskat:

  • 16,026 sigarett tal-kuntrabandu;
  • 530 flixkun xorb alkoħoliku (spirti);
  • 47 flixkun inbid;
  • 5 kilogrammi tabakk tax-xixa; u
  • 93 landa snus (chewing tobacco).

L-ispezzjonijiet saru fil-Mellieħa, ix-Xemxija, San Pawl il-Baħar, Buġibba, il-Qawra, Paceville, Marsascala, Birżebbuġa, il-Belt Valletta, l-imsida, Tal-Pieta’, ir-Rabat, Birkirkara, il-Marsa, Fleur de Lys u Ħal Far.

Dawn il-każi qed jiġu evalwati mill-Uffiċċju Legali tad-Dipartiment biex jittieħdu l-passi kollha neċessarji skont il-liġi.