Eluf ta’ persuni bla kenn wara l-qerda ta’ kamp tar-refuġjati fil-Greċja

Read in English.

Eluf ta’ immigranti spiċċaw mingħajr post fejn jistkennu hekk kif nirien qawwija matul il-lejl ġabu rovina f’kamp se jfur bir-refuġjati fuq il-gżira ta’ Lesbos, bl-awtoritajiet iwissu li wħud minnhom kienu pożittivi għall-COVID-19 u għalhekk setgħux ixerrdu l-virus.

Il-kamp ta’ Moria, li fih bħalissa qed jgħixu mat-12,000 persuna, “aktarx inqered kompletament”, skont uffiċjal tal-awtoritajiet Griegi. L-investigazzjonijiet dwar x’ikkaġuna n-nirien għadhom għaddejjin.

Persuni li kienu fil-post raw daħna sewda kbira tiela’ minn fuq il-kamp, b’ammont ta’ persuni jitilqu jiġru fit-triq filwaqt li jġorru tfal u trabi, b’ħafna minnhom jużaw pushchairs biex jimbuttaw il-ftit affarijiet li kellhom.

Moria hija magħrufa għall-kundizzjonijiet ħżiena tal-kamp. Il-Papa Franġisku kien żgħar il-faċilità fl-2016 biex jiġbed l-attenzjoni fuq dawn il-faċilitajiet. Il-Gvern ta’ Ateni ddikjara stat ta’ emerġenza f’Lesbos u bagħat aktar pulizija biex iżżomm l-ordni, iżda bosta persuni twaqqfu milli jidħlu fl-eqreb belt tal-kamp, dik ta’ Mytilene.

Il-Ministru Notis Mitarachi qal li madwar 2,000 persuna milquta min-nirien se jitoġġew fuq tliet vapuri. F’indirizz televiżiv, il-Prim Ministru Kyriakos Mitsotakis sostna li s-sitwazzjoni f’Moria ma setgħetx tibqa’ għaddejja kif inhi għaliex kienet riskju għas-saħħa pubblika u għas-sigurtà nazzjonali, filwaqt li insista li l-immigrazzjoni kienet “problema Ewropea”.

Fost is-suspetti tal-awtoritajiet hemm il-fatt li n-nirien jistgħu jkunu tqabbdu apposta wara li t-testijiet tal-Covid-19 wasslu biex 35 refuġjat jitpoġġew f’iżolament. Dan is-suspett kiber hekk kif l-awtoritajiet irrappurtaw li kien hemm aktar minn nar wieħed fil-kamp, filwaqt li numru ta’ immigrati bdew jitfgħu l-ġebel lill-ħaddiema tat-tifi tan-nar li kienu qed jitfgħu n-nirien.