Il-Knisja tikkritika d-deċiżjoni tal-PA favur id-db group

Il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent qalet li l-Awtorità tal-Ippjanar injorat eluf ta’ oġġezzjonijiet mingħand ir-residenti u l-komunità tal-madwar meta approvat il-proġett kontroversjali tat-torrijiet tal-grupp db fil-bajja ta’ Pembroke.

Fi stqarrija, il-Kummissjoni qalet li “bħal għadd kbir ta’ ċittadini oħra, għadha maħsuda” b’din id-deċiżjoni u ppreżentat numru ta’ mistoqsijiet fosthom dwar jekk l-Awtorità tal-Ippjanar hiex qed tonora l-missjoni tagħha, dik li “taġixxi f’isem il-komunità biex tipprovdi ambjent bilanċjat u sostenibbli”.

Il-Kummissjoni tisħaq li “l-ebda deċiżjoni ma għandha tispiċċa vittma ta’ partiġġjaniżmu politiku”. Jispjegaw ukoll li Malta m’għandhiex bżonn aktar logħob u battibekki bejn il-partiti politiċi, imma għandu jsir sforz ġenwin biex ikollna politika ta’ ppjanar favur iċ-ċittadini.

Il-Kummissjoni staqsiet jekk l-Awtorità hiex qed taħdem b’mod pro-business akkost ta’ kollox jew jekk hux qed jaħdem favur il-komunitajiet. Fl-istess waqt hija għamlet referenza wkoll għall-viżjoni tal-Awtorità kif elenkata fuq is-sit tal-PA jiġifieri li “tagħmel minn Malta u Għawdex pajjiż isbaħ u li tieħu pjaċir tgħix fih”.

Staqsiet ukoll jekk kienx hemm “raġuni moħbija” biex dawn l-oġġezzjonijiet tal-komunitajiet ta’ Pembroke, San Ġiljan u s-Swieqi ma jingħatawx kas.

L-istqarrija ssemmi wkoll liċ-Ċermen tal-Awtorità tal-Ippjanar Vince Cassar li tul il-laqgħa għamel appell biex dan il-proġett jiġi kkunsidrat f’ambitu ta’ masterplan jew pjan lokali.

L-istqarrija ttemm tgħid li jekk dak li jkollhom xi jgħidu l-komunitajiet dwar il-lokalità fejn jgħixu ma jingħatax widen, il-Kummissjoni temmen li l-gżejjer Maltin “mexjin lejn sistema ta’ ppjanar li mhux biss ma tagħtix kas li jitjieb l-ambjent li fih jgħixu l-komunitajiet, imma li lanqas jimpurtaha mill-bżonnijiet tagħhom”.

AQRA: L-istqarrija tal-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent