Eluf ta’ Katalani jmorru ‘jipproteġu’ l-postijiet tal-votazzjoni

Eluf ta’ persuni li jridu l-indipendenza tal-Katalunja okkupaw il-postijiet tal-votazzjoni meta kkampjaw hemmhekk matul il-lejl, hekk kif illum mistennija tibda l-votazzjoni tar-referendum tant mistenni.
Uffiċjali qed ibassru li l-perċentwal ta’ nies li se jivvutaw se jkun għoli, u dan għax anki t-tensjoni mhijiex waħda ta’ xi referendum normali.
Fil-fatt, il-Gvern ta’ Madrid wiegħed li jħassar ir-referendum, filwaqt li dak Spanjol iqisu bħala wieħed li jikser il-kostituzzjoni, u fost l-oħrajn għexieren ta’ pulizija ntbagħtu fuq il-postijiet tal-votazzjoni, fejn mistennija wkoll jarrestaw lil dawn in-nies li kkampjaw hemmhekk.
Dawk li qed jorganizzaw ir-referendum ħeġġew lin-nies jagħmlu hekk sabiex, fi kliemhom, jipproteġu l-postijiet tal-votazzjoni, li tibda fid-9am.
Ir-reġjun tal-Katalunja, b’Barċellona l-kapitali, jista’ jitqies bħala magna tal-flus għal Spanja, hekk kif is-7.5 miljun Katalan, jiffurmaw biss 16% tal-popolazzjoni Spanjola, iżda jiġġeneraw 20% tal-prodott gross domestiku tal-pajjiż.
Terz tal-invstiment ta’ Spanja tattirah il-Katalunja, u tipproduċi wkoll terz tal-esportazzjonijiet Spanjoli.
Wieħed jista’ jgħid li fil-fatt, il-Katalunja tissussidja lill-bqija tal-pajjiż.
Waħedha l-Katalunja hija kbira ekonomikament daqs pajjiżi oħra bħall-Finlandja u d-Danimarka.