Eluf ta’ Ingliżi jtemmu l-btala Franza ħesrem biex jevitaw il-kwarantina

REUTERS/Toby Melville/File Photo

Eluf ta’ turisti Ingliżi raw kif għamlu biex temmew il-btala tagħhom fi Franza ħesrem sabiex jevitaw li joqogħdu kwarantina malli jirritornaw pajjiżhom. Dan billi mill-4am illum, daħlu fis-seħħ miżuri li jirrikjedu li min fl-Ingilterra jkun żar Franza, jagħmel ġimagħtejn kwarantina.

Dawn il-miżuri jgħoddu wkoll għar-residenti Ingliżi li jkunu ġejjin minn Malta, mill-Olanda, minn Monaco, minn Turks u Caicos u minn Aruba.

Is-Segretarju Ingliż għat-Trasport qal li ttieħdet din id-deċiżjoni wara li ġiet innutata żieda sostanzjali ta’ każijiet tal-Covid-19 f’dawn il-pajjiżi. Spjega li din il-ġimgħa Franza rat żieda ta’ 66% fl-ammont ta’ każijiet pożittivi, l-Olanda rat żieda ta’ 52%, filwaqt li Malta rat żieda ta’ 105%. Turks u Caicos u Aruba raw żieda ta’ 273% u 1,106% rispettivament.

Il-BBC irrapporta kif it-treni tal-Eurotunnel bejn Franza u l-Ingilterra biegħu l-biljetti kollha, u dawk li vvjaġġaw bl-ajru bejn iż-żewġ pajjiżi kellhom iħallsu prezzijiet għoljin, iżda kien hemm xi operaturi tal-ferries bejn iż-żewġ pajjiżi li offrew aktar spazji.

Franza wissiet li hija se tieħu miżuri reċiproċi, filwaqt li l-Olanda wissiet kontra vjaġġar mhux meħtieġ lejn ir-Renju Unit, iżda ma qalitx li se tintroduċi l-istess miżuri għal min iżur l-Ingilterra, l-Irlanda ta’ Fuq, Wales jew l-Iskozja.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn