Eluf ta’ Griegi fit-toroq kontra abbozz ta’ liġi li jirregola l-protesti

REUTERS/Alkis Konstantinidis

Read in English.

Eluf ta’ Griegi niżlu jipprotestaw fiċ-ċentru ta’ Ateni nhar il-Ħamis kontra l-pjan tal-gvern li jirregola d-dimostrazzjonijiet frekwenti fit-toroq li ħafna drabi qed ikunu l-kawża ta’ ħafna konfużjoni.

Fil-Greċja, il-protesti fit-toroq huma l-mezz ewlieni ta’ oppożizzjoni kontra inizjattivi tal-gvern, f’pajjiż li għadu qed jirpilja mill-kriżi soċjo-ekonomika kbira li kien daħal fiha tard fl-2009 li kien wassal għal tlett bailouts internazzjonali b’termini iebsa ta’ awsterità.

Madwar 3,500 membru u sostenitur tal-partit komunista Grieg inġabru fil-pjazza ċentrali ta’ Syntagma sabiex jipprotestaw kontra liġi li tressqet quddiem il-parlament u li mistennija jsir vot għaliha l-ġimgħa d-dieħla.

Id-dimostranti saħqu biex l-abbozz ta’ liġi jkun irtirat u oħrajn fissru din il-liġi bħala ‘abominazzjoni’. 

L-abbozz tal-liġi jitlob fost l-oħrajn il-ħatra ta’ organiżżatur ta’ tali protesti li jikkoordina mal-pulizija u timponi wkoll restrizzjonijiet fuq dimostrazzjoni jekk l-għadd ta’ parteċipanti jkun baxx.

Il-liġi trid timponi wkoll multi fuq dawk li jużaw vjolenza u żżomm lill-organiżżaturi responsabbli legalment għal kull tip ta’ ħsara li tkun saret mill-protestanti.

“L-għan ta’ din il-liġi huwa li nwaqqfu l-kaos li qed jinħoloq,” qal il-kelliem għall-gvern Stelios Petsas lill-ġurnalisti filwaqt li żied jgħid li f’Mejju biss, kien hemm 80 rally.