Aġġornata: Eluf fi flus kontanti jinsterqu minn karozza fil-Qawra

Eluf fi flus kontanti nsterqu waqt hold-up minn karozza fil-Qawra. Minn stħarriġ jirriżulta li karozza waqfet quddiem il-vettura tal-vittma, u minnha ħarġu żewġt irġiel mgħammda u armati.

Waqt li wieħed minnhom rema' ċ-ċavetta tal-karozza tal-vittma, l-ieħor ħataf l-basket li fih kien hemm il-flus, qabel ma ħarbu minn fuq il-post.

Il-każ seħħ dalgħodu għall-ħabta tad-9:30am fi Triq il-Qawra. Ir-raġel li nsterqulu l-flus għandu 54 sena u joqgħod Birżebbuġa.

Wara li wettqu s-serqa, il-ħallelin saqu sa għalqa qrib il-knisja tal-Qawra u taw in-nar lil din l-istess karozza. In-nirien ikkawżaw ħsarat lil ħames karozzi oħra li kienu pparkjati. Karozza oħra ukoll ġarrbet xi ħsarat wara li l-ħallelin ħabtu fiha.