Eluf ta’ ewro f’oġġetti tad-ditta jinsabu f’dar fil-Mosta

Koppja mixlija b’ħasil ta’ flus

Miguela Xuereb

Hairdresser u għalliem tas-sewqan tressqu l-Qorti b’rabta ma’ evażjoni tat-taxxa, fejn qed jiġu akkużati wkoll b’ħasil ta’ flus. Fi tfittxija li saret f’darhom, l-investigaturi sabu arloġġi tar-Rolex, handbags ta’ Louis Vuitton kif ukoll oġġetti oħra ta’ Dolce Gabbana u Gucci.

Fil-Qorti lbieraħ, il-Prosekuzzjoni spjegat kif l-oġġetti nstabu waqt tfittxija li għamlet il-Pulizija wara li kisbet mandat ta’ arrest u tfittxija bħala parti mill-investigazzjonijiet tagħha dwar evażjoni tat-taxxa. L-investigazzjoni fuq din il-koppja kienet ispirata mill-kuntrast bejn l-istil ta’ ħajja tagħhom u dak li jdaħħlu. Madanakollu rriżulta wkoll li ma kinux qed jiddikjaraw id-dħul kollu. Waqt il-kumpilazzjoni tax-xhieda, il-Prosekuzzjoni semmiet li l-oġġetti tad-ditta nstabu fi gwardarobbi. Sabu wkoll flus kontanti fil-bwiet ta’ wħud mill-ġkieket imdendlin fil-gwardarobba. Minn żewġ ġkieket biss sabu €9,000.

Ġimgħa qabel l-arrest tagħhom, il-mara kienet xtrat karozza ta’ €24,000, li minnhom kien fadlilha tħallas €8,000. Barra minnhekk kważi nofs id-dar tal-Mosta tħallset fi flus kontanti.

L-avukati li qed jassistu lill-koppja huma Franco Debono, Marion Camilleri u Francesca Zarb.