Eluf ta’ dokumenti privati tal-Maltin mal-Lands fuq l-internet

Għall-ħabta tal-5pm l-edizzjoni bl-Ingliż ta’ Newsbook.com.mt kienet l-ewwel websajt tal-aħbarijiet f’Malta li ħabbret li l-websajt tal-Awtorita’ tal-Artijiet (Lands Authority) ma kinitx għadha tiffunzjona. Xi ħin wara investigazzjoni bejn timesofmalta.com u The Shift News sabet illi eluf ta’ dokumenti privati u kunfidenzjali ta’ persuni Maltin kienu ntefgħu fuq l-internet. Fost dawn id-dokumenti li kulħadd jista’ faċilment isib fuq l-internet hemm dokumenti b’ħafna dettalji personali u sensittivi ta’ eluf ta’ ċittadini Maltin.

Sa wara t-8pm il-Gvern baqa’ totalment sieket u ma ħareġ l-ebda stqarrija. L-edizzjoni bl-Ingliż ta’ Newsbook.com.mt kienet ħabbret li l-websajt tal-Awtorita’ tal-Artijiet kienet ‘waqgħet’ fis-2pm.

Kien f’aġġornament fit-8.30pm – jiġifieri aktar minn sitt sigħat wara li l-websajt ma baqgħetx iżjed aċċessibbli –  illi timesofmalta.com kitbet li l-Awtorita’ ħabbret li se ssir investigazzjoni.

Newsbook.com.mt ma rċieva l-ebda stqarrija f’dan is-sens u lanqas tweġiba għall-mistoqsijiet.

Għal rapport sħiħ żur l-edizzjoni bl-Ingliż ta’ Newsbook.com.mt billi tagħfas hawn.