Eluf ta’ ċilindri miżbugħin illegalment irkuprati minn Liquigas

Eluf ta’ ċilindri tal-gass LPG ħodor u sofor ta’ Liquigas Malta, li nżebgħu bil-kulur gżir u mtlew illegalment, kienu rkuprati mis-suq f’Ottubru.
Fi stqarrija Liquigas qalet li dan hu riżultat ta’ kampanja ta’ tagħrif li għaddejja bħalissa, fejn Liquigas qed toffri li tibdel mingħajr ħlas iċ-ċilindru miżbugħ illegalment ma’ wieħed mimli ta’ Liquigas, kemm jekk ikun issiġillat kif ukoll jekk ikun użat.
Kelliem għal Liquigas sostna li l-kumpanija mhix f’pożizzjoni tassumi responsabbiltà għaċ-ċilindri li nżebgħu u mtlew b’mod illegali. Saħaq li bir-rata li ċ-ċilindri qed ikunu rkuprati, il-klijenti huma mitluba jikkuntattjaw lil Liquigas minnufih ħalli jibbukkjaw il-bdil taċ-ċilindru.
L-offerta ta’ Liquigas tiskadi nhar is-Sibt 7 ta’ Novembru.