Eluf miżmuma fuq cruise liner fl-Italja minħabba l-coronavirus

Eluf ta’ passiġġieri bħalissa qed jinżammu abbord cruise liner fl-Italja wara li kien hemm suspett li żewġ passiġġieri miċ-Ċina kienu infettati bil-coronavirus il-ġdid.

Rapporti fil-midja internazzjonali qed jgħidu li hemm bejn 6,000 u 7,000 passiġġier abbord il-vapur Costa Smeralda. Iż-żewġ passiġġieri miċ-Ċina telgħu fuq il-vapur fil-25 ta’ Jannar. Issa qed iħossuha diffiċli li jieħdu n-nifs.

Il-passiġġieri l-oħra qed jinżammu fuq il-vapur sakemm joħorġu r-riżultati tat-testijiet li qed isiru fuq iż-żewġ passiġġieri morda.

Aġent tal-ivjaġġar f’Malta kien qed jirriklama postijiet fuq il-vapur Costa Smeralda għall-ġimgħa d-dieħla.

Ilbieraħ tħabbar li d-Dipartiment għas-Saħħa għaddej bil-preparamenti biex fl-eventwalità li jitfaċċa każ tal-Coronavirus f’Malta, l-pazjent ikun iżolat u ttrattat bl-aħjar mod. Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ta d-dettalji ta’ dawn il-preparamenti f’konferenza tal-aħbarijiet fejn ħabbar ukoll li f’Malta m’hawn l-ebda każ ta’ dan it-tip ta’ virus.