Eluf jipprotestaw f’Budapest kontra l-Prim Ministru Orban

Eluf ta’ persuni ħarġu jipprotestaw fil-Kapitali tal-Ungerija Budapest kontra l-Prim Ministru tal-Gvern Lemin Viktor Orban li reġa’ ġie elett.
Skont il-BBC, dawk li jopponu lil Orban ħarġu fit-toroq biex jipprotestaw dak li qed isejħulu bħala sistema elettorali li mhix ġusta.
Numru simili ta’ persuni attendew dimostrazzjoni favur Orban ix-xahar li għadda.
Dawn il-protesti l-ġodda qed isiru sitt ijiem biss wara li l-partit Fidesz li kien fil-Gvern rebaħ żewġ-terzi tas-siġġijiet fil-parlament b’nofs il-vot nazzjonali.
Orban huwa kandidat ewro-xettiku li kkampanja bil-qawwa kontra l-immigrazzjoni.
Id-dimostrazzjoni kienet organizzata permezz ta’ grupp fuq Facebook imesmmi “Aħna l-maġġoranza”. Wara li raw attendenza tajba għall-aħħar protesta, l-organizzaturi sejħu għal dimostrazzjoni oħra l-ġimgħa d-dieħla.
Kien hemm preżenza qawwija ta’ pulizija fil-Belt, però l-protesta kienet waħda paċifika.