Eluf jipprotestaw biex iwaqqgħu l-Gvern

Eluf ta’ nies f’Togo ħarġu jipprotestaw ilbieraħ kontra t-tmexxija tal-familja Gnassingbe, li ilha taħkem il-pajjiż għal dawn l-aħħar 50 sena, u bit-tama li l-President Gnassingbe jirriżenja minnufih.
Waqt il-protesti, l-awtoritajiet imblokkaw kull aċċess għall-internet u għall-messaġġi elettroniċi, sabiex jillimitaw l-ammont ta’ nies li jsiru jafu bil-protesti, kif kienu għamlu meta l-poplu ħareġ jipprotesta f’Awwissu u Settembru li għaddew.
Il-poplu qed jiġġieled biex il-Kostituzzjoni terġa’ lura għal li kienet fl-1992, meta kienet tippermetti żewġ mandati biss għal kull president.
Il-President Gnassingbe ilu jmexxi l-pajjiż mill-2005, wara li miet missieru, u reġa’ tela’ fil-Gvern fl-2010 u fl-2015, f’elezzjonijiet mifnija bil-korruzzjoni.
Il-mexxejja tal-Oppożizzjoni kienu l-imħuħ wara l-protesti, hekk kif ħeġġew lin-nies jieħdu azzjoni, qabel ma l-President jerga’ jfittex li jġedded il-mandat tiegħu, u jasal biex jibqa’ fil-Gvern sal-2030.  
Waqt il-protesti tal-bieraħ inżamm il-paċi, b’kuntrast max-xahar li għadda, meta persuna mietet u għexieren oħra ġew midruba waqt li kienu qed jipprotestaw fin-naħa ta’ fuq tal-pajjiż.