Eluf jattendu il-Festival taż-Żgħażagħ Kattoliċi Awstraljani f’Perth

Il-logo użat għall-Festival taż-Żgħażagħ f'Perth, l-Awstralja

Eluf ta’ żgħażagħ minn madwar l-Awstralja waslu fl-Arċidjoċesi ta’ Perth li din is-sena organizzat il-Festival taż-Żgħażagħ Kattoliċi Awstraljani bejn it-8 u l-10 ta’  dan ix-xahar.

Il-madwar 5,500 żagħżugħ ingħaqdu ma’ 1,800 oħra mid-djoċesi ta’ Perth għal tliet ijiem ta’ ċelebrazzjonijiet u riflessjonijiet dwar l-eżortazzjoni Biblika “Isimgħu ‘inhu jgħid l-Ispirtu”.

Il-Festival taż-Żgħażagħ Kattoliċi Awstraljani jiġbor flimkien numru ta’ tradizzjonijiet u innovazzjonijiet li jgħinu liż-żgħażagħ jifhmu aħjar – permezz tat-talb, mużika, diskussjonijiet u attivitajiet varji oħra – il-Fidi Kattolika.

Mument importanti

L-Arċisqof ta’ Perth, Timothy Costelloe SDB qal li dan il-festival għandu jkun mument importanti ħafna fil-ħajja tal-Knisja f’Western Australia.

“Il-Knisja fil-punent tal-pajjiż għandha storja twila u sinjura iżda qatt ma kellha ċ-ċans li tiċċelebra l-fidi Kattolika ma’ numru hekk kbir ta’ nies”.

“Aħna nafu li l-Festival dejjem kellu mpatt maż-żgħażagħ Kattoliċi u mal-Knisja lokali kulfejn kien organizzat u nistennew li din is-sena ma tkunx differenti. Il-frott tal-festiva se jibqa’ jinħass lokalmnet għal ħafna snin”, qal l-Isqof Costelloe.

Dan l-Arċisqof hu wieħed minn aktar minn 30 Isqof Awstraljan li ħadu sehem fil-Festival. L-Isqof Columba Macbeth-Green, Delegat għaż-Żgħażagħ tal-Konferenza Episkopali Awstraljana qal li hu u ħutu  l-Isqfijiet dejjem ikunu ħerqana għal dan il-festival li jsiru kull sentejn.

“Waħda mill-innovazzjonijiet tal-Festival hi dik li qed tissejjaħ “Bishops’ X Change” fejn l-Isqfijiet ikollhom ċans jitkellmu maż-żgħażagħ fuq diversi suġġetti u jibnu fuq dak li jitgħallmu fid-djoċesijiet rispettivi tagħhom. Din is-sena ħafna minn dawn is-sessjonijiet servew biex l-Isqfijiet tkellmu maż-żgħażagħ dwar il-Kunsill Plenarju li se jsir dalwaqt u li jgħin lill-Knisja fl-Awstralja tfassal strateġija u ħidma għall-futur”, qal l-Isqof Macbeth-Green.

Attivitajiet

L-attivitajiet ewlenin tal-Festival ta’ din is-sena kienu jinkludu l-“Encounter Expo” fejn kien hemm aktar minn 80 stand ta’ aġenziji u organiżazzjonijiet reliġjużi, ordnijiet reliġjużi, movimenti ekklesjastiċi u gruppi Kattoliċi minn madwar l-Awstralja;

Rappreżentazzjonijiet mużiklai minn artisti lokali u internazzjonali, fosthom il-qassis kantant Robert Galea u l-kantant Amerikan Joe Melendrez;

Preżentazzjonijiet minn kelliema lokali u internazzjonali fosthom Katie Prejean McGrady u Grace Forrest;

Kien hemm ukoll dak li ġie msejjaħ “Justice Activity Centre”, post għal attivitajiet edukattivi b’ħafna esperjenzi u attivitajiet interattivi minn diversi organiżazzjonijiet u gruppi biex jinkoraġixxu ż-żgħażagħ  jitkellmu u jiddiskutu fuq temi ta’ ġustizzja jew inġustizzja;

L-“Experiential Prayer Room u Worship Centre”, fejn kienu prattikati stili differenti ta’ talb, inkluż it-Taize, Adorazzjoni Ewkaristika u talb bl-Ikoni.

Il-festival intemm b’Quddiesa li saret fi Trinity College fejn attendew madwar 7,000 persuna fosthom membri tal-komunità ta’ Perth.