Aġġornata: Eluf jattendu għad-dimostrazzjoni tal-PN kontra l-korruzzjoni

Eluf ta’ nies inġabru quddiem Kastilja biex attendew għad-dimostrazzjoni tal-Partit Nazzjonalista bl-għan li jiddefendu d-demokrazija u l-libertà.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil indirizza lill-folla quddiem il-Qorti fi Triq ir-Repubblika fejn fost l-oħrajn wiegħed li Gvern Nazzjonalista se jinvestiga l-każ tal-kumpaniji Maltin fil-Panama.
Busuttil ikkritika l-istituzzjonijiet tal-Gvern, fosthom il-Pulizija, talli ma investigawx l-iskandlu tal-Panama.
Hu qal li permezz tar-reġistru tal-midja l-Gvern qed jhedded il-libertà tal-espressjoni u d-demokrazija u sostna li Gvern Nazzjonalista mhux se jappoġja l-liġi tal-midja li qed tiġi proposta bħalissa fil-Parlament tant li jekk din tgħaddi hu se jneħħiha meta jiġi elett.
Il-Kap talOppiżizzjoni akkuża lill-Gvern li llum qed jattakka lill-ġurnalisti u li ftit żmien ieħor għad jattakka lill-poplu.
Busuttil insista kif dan hu l-aktar Gvern korrott fl-istorja ta’ Malt u li għal dan qed ipatti l-poplu Malti.
Żieed jgħidi li din il-protesta kienet l-ewwel pass li se jwassal biex Malta terġa ssir pajjiż demokratiku fejn il-Gvern jaħdem għan-nies.
Fost il-kelliema waqt id-dimostrazzjoni kien hemm Jeremy Gingell li rrappreżenta liż-żgħażagħ, il-lettur tal-Università Prof. Marianne Lauri u l-ispeċjalista Alec Lapira.
Il-Partit Laburista jgħid li Simon Busuttil gideb u ħarab milli jġib il-provi
F'reazzjoni għad-diskors ta' Simon Busuttil waqt id-dimostrazzjoni fil-Belt Valletta, il-Partit Laburista qal li Busuttil irrepeta l-gideb kollu tal-aħħar jiem u stiednu biex jekk għandu prova waħda, joħroġha.
Ritratt: Midja PN