Eluf sfurzati barra minn djarhom wara nirien fil-Greċja, Spanja u l-Italja

File Photo - A helicopter drops water to fight a forest fire seen in the village of Valleseco, in the Canary Island of Gran Canaria, Spain, August 17, 2019. REUTERS/Borja Suarez

Nirien qawwija heddew li jeqirdu belt antika fil-Greċja, u sfurzaw lil eluf ta’ persuni biex jaħarbu minn djarhom fi Spanja u fl-Italja.

F’dawn l-aħħar ġranet, diversi nirien qawwija ħakmu partijiet differenti fl-Ewropa, u eluf ta’ persuni kellhom jevakwaw minn djarhom.

Nhar il-Ħadd fil-Greċja, erba’ ajruplani li jitfgħu l-ilma u żewġ ħelikopters għenu lil għexieren ta’ ħaddiema tat-tifi tan-nar biex jikkontrollaw ħuġġieġa qawwija li qabdet barra minn wieħed mis-siti arkeoloġiċi l-aktar importanti fil-pajjiż – Mycenae.

Din il-fortizza minn Żmien il-Bronż, li tinsab madwar 120km (75 mil) fil-Lbiċ ta’ Ateni, ma sofriet l-ebda dannu minn dawn in-nirien, skont Lina Mendoni, il-Ministru għall-Kultura.

Madankollu, id-dħaħen sewdu d-Daħla tal-Iljun (Lion Gate), il-bieb tal-ġebel li jagħti għall-belt l-antika li għandha madwar 3,250 sena.

“Id-dannu kkawżat min-nirien tal-bieraħ fortunatament kien tassew minimu,” qalet is-Sinjura Mendoni matul żjara li għamlet fuq is-sit nhar it-Tnejn.

“Is-servizzi tat-tifi tan-nar ħadu azzjoni immedjata … u l-miżuri għall-prevenzjoni ħadmu sew: il-ħaxix niexef ta’ mad-dawra kien tnaddaf kollu. Din l-azzjoni preventiva salvat il-monumenti.”

Intant, aktar minn 3,100 persuna fi Spanja kellhom jevakwaw djarhom minħabba nirien selvaġġi qawwija fir-reġjun tal-Andalusija li jinsab fin-nofsinhar tal-pajjiż.

In-nirien qabdu nhar il-Ħamis fil-muntanji viċin il-belt ta’ Almonaster la Real, madwar 120km (75 mil) fil-majjistral ta’ Sivilja.

16-il ħelikopter u tmien ajruplani ntbatu fiż-żona biex jgħinu lil 500 ħaddiem li kienu qed jiġġieldu kontra n-nirien li ħakmu madwar 100 kilometru kwadru (38.5 mil kwadru) fir-reġjun.

Il-pumpiera u persunal tal-armata ħadmu mingħajr waqfien matul tmiem il-ġimgħa, madankollu kien diffiċli li jilħqu ż-żoni kollha affettwati minħabba l-pajsaġġ selvaġġ.

Nhar is-Sibt, 70 persuna oħra ġew evakwati minn djarhom minħabba nirien slavaġ f’Mula, belt żgħira fir-reġjun ta’ Murcia fix-xlokk ta’ Spanja, filwaqt li ħaddiema tat-tifi tan-nar ħadmu biex jikkontrollaw żewġ nirien oħra fir-reġjun ta’ Extremadura fil-punent tal-pajjiż.

Sqallija, fl-Italja, ukoll esperjenzat nirien qawwija f’dawn l-aħħar ġranet, u l-midja lokali rrappurtat ħames inċidenti differenti ta’ nirien f’diversi żoni nhar is-Sibt filgħaxija.

Madwar 100 persuna ġew evakwati minn djarhom fiż-żona ta’ Altofonte f’Palermo. Ajruplani ta’ Canadair kienu fuq il-post biex jgħinu l-isforzi tal-pumpiera fuq l-art minn kmieni l-Ħadd filgħodu, skont rapporti ta’ uffiċjali għat-tifi tan-nar fuq Twitter.

Is-sindku ta’ Altofonte, Angela De Luca, iddiskreviet is-sitwazzjoni bħala waħda ‘serja’ fuq Facebook.