Eluf fit-toroq għax iridu referendum ieħor dwar il-Brexit

Reuters

Eluf ta’ nies inġabru f’Londra llum għall-manifestazzjoni msejħa People’s Vote, li biha, in-nies tar-Renju Unit iridu li jgħaddu l-aħħar messaġġ dwar il-ftehim tal-Brexit bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea.

Kien hemm mas-700,000 persuna fil-folla, li telqet minn Park Lane u waqfet f’Parliament Square, fejn politiċi u nies magħrufa indirizzaw lill-pubbliku. Fost il-kelliema kien hemm il-Membru Parlamentari tat-Tories Anna Soubry, Chuka Umunna mill-Partit Laburista, il-mexxej tad-Demokratiċi Liberali Sir Vince Cable u s-Sindku ta’ Londra, Sadiq Khan.

Anna Soubry qalet lill-folla li huma li jridu jibqgħu fl-UE qegħdin fil-maġġoranza, u li jeħtieġ li jerfgħu r-responsabbiltà u jsewwu dak li għamlu dawk li vvutaw biex ir-Renju Unit joħroġ mill-UE. Soubry qalet li minkejja l-attendenza numeruża, xorta waħda ma kienx hemm is-17-il miljun persuna li vvutat biex titlaq mill-UE.

Soubry kompliet tgħid li n-nies hi diżappuntata bin-nuqqas ta’ kompetenza min-naħa tal-Gvern fil-ftehim dwar il-Brexit, li qed iwassal biss għal kaos.

F’messaġġ li għaddiet permezz ta’ filmat, il-Mexxejja Skoċċiża Nicole Sturgeon qalet li f’każ li l-kwistjoni titqajjem fil-Parlament, il-Membri Parlamentari tagħha beħsiebhom jaqblu ma’ dak li jridu n-nies, anke jekk dawn iridu li jibqgħu fl-UE. Kompliet tgħid li l-mod kif il-Gvern ħa ħsieb in-negozjati tal-Brexit kien kaotiku u inkompetenti.

“Theresa May qed tipprova tbeżża’ lir-Renju Unit. Dan hu skandlu li ma nistgħux naċċettawh,” temmet tgħid Sturgeon.