Eluf evakwati minħabba nirien f’Kalifornja

Eluf ta’ persuni kellhom jiġu evakwati minn darhom hekk kif nirien qawwija ħakmu n-naħa t’isfel tal-Kalifornja.
In-nirien li bdew kmieni filgħaxija s’issa ħarqu mal-40 kilometru kwadru ta’ siġar.
Skont il-midja internazzjonali, persuna waħda mietet f’inċident tat-traffiku waqt li kienet qed tipprova taħrab min-nirien. Żewġ binjiet inqerdu u eluf ta’ djar spiċċaw mingħajr elettriku.
Il-Kap tal-Protezzjoni Ċivili f’Lorenzen qal li minħabba l-irjiħat qawwija fir-reġjun, l-unika ħaġa li l-ħaddiema jistgħu jagħmlu huwa li jgħinu lin-nies jevakwaw u jipproteġu xi strutturi. 
Diversi skejjel u swali qed jintużaw bħala akkomodazzjoni temporanja għall-familji evakwati.
F’Ottubru li għadda, madwar 10 persuni kienu tilfu ħajjithom f’nirien li qed jaħkmu reġjun famuż għall-produzzjoni tal-inbid fl-istat ta’ California, fl-Istati Uniti.