Eluf arrestati fl-Amerika Ċentrali għax kisru d-direttivi tal-coronavirus

Eluf ta’ persuni ġew arrestati madwar l-Amerika Ċentrali talli kisru r-regoli li ddaħlu fis-seħħ mill-gvern biex titnaqqas il-firxa tal-coronavirus f’reġjun fejn hemm inqas riżorsi mediċinali minn pajjiżi żviluppati.

L-Amerika Ċentrali hija d-dar ta’ popolazzjoni kbira u fqira li m’għandhiex l-opportunità u l-għażla li taħdem mid-dar, li tieħu sick leave imħallas jew tosserva r-regoli tas-social distancing. Huma jaħdmu fl-ekonomija informali u jgħixu fi gruppi.

L-awtoritajiet fil-Honduras qalet li madwar 2,250 persuna ġew arrestati talli baqgħu barra iktar mill-ħin permess mill-awtoritajiet sa minn nofs Marzu. L-awtoritajiet fil-Guatemala qalu li mal-5,705 persuni nżammu mill-pulizija talli ħarġu minn darhom mingħajr ġustifikazzjoni.

Fil-Panama, aktar minn 5,000 persuna ġew miżmuma talli baqgħu barra iktar mill-ħin permess, filwaqt li 424 għax ma obdewx mar-regoli riċenti li jillimitaw lill-irġiel u n-nisa biex joħorġu mid-dar fi ġranet alternattivi.

Intant, f’El Salvador, 712-il prsuna ġew arrestati talli fallew milli jobdu l-kwarantina mandatorja skont kif mitluba mill-President Nayib Bukele u ttieħdu f’ċentri ta’ konteniment.