Elton John kien f’periklu li jmut f’24 siegħa

Elton John żvela li kellu kanċer fil-prostata u wara li saritlu operazzjoni qabditu infezzjoni li setgħet qatlitu fi żmien24 siegħa. Il-kantant ta’ 72 sena kien qed jagħmel tour fl-Amerika ta’ Isfel fl-2017 meta kellu jittieħed b’urġenza fl-Ingilterra għax kien qed iħossu l-agħar li qatt ħassu f’ħajtu kollha.

Skont l-awtobijografija li qed tidher bħalissa f’gazzetta fl-Ingilterra meħuda mill-ktieb Me Elton John, Elton John ittieħed fi sptar f’Londra fejn għamlulu scan. Irriżulta li tant kien f’kundizzjoni ħażina li l-istess sptar lanqas kellu apparat biex jikkurah. Għalhekk bagħtuh malajr fi klinka speċjalizzata f’Londra wkoll fejn sarlu intervent u baqa’ f’kura intensiva għal jumejn sħaħ.

Fil-klinika qalulu li kien iddobba infezzjoni kbira fl-Amerika ta’ Isfel u kienu qed jiġġildu l-marda li kellu b’dożi kbar ta’ antibijotiċi dirett fil-vina. It-tobba qalu lil  żewġu David li kien 24 siegħa biss ’il bogħod mill-mewt u li kieku kompla mqar ġurnata waħda oħra fl-Amerika ta’ Isfel kien imut żgur.

Il-maniġment ta’ Elton John dak iż-żmien kien ħabbar li l-kantant kien se jħassar tmien kunċerti li kien se jagħti fl-Istati Uniti bejn April u Mejju minħabba ‘infezzjoni kerha u mhux tas-soltu’ bla ma żvelaw minn xiex kien għadda.

Elton John kien fieq mill-infezzjoni u f’għeluq is-70 sena tiegħu kien għamel riċeviment kbir f’Hollywood li għalih kien stieden bosta stilel tal-ispettaklu.

Il-kantant qal li fl-agħar waqtiet tal-infezzjoni tiegħu meta kien f’periklu tal-mewt l-aktar li kien qed jiddispjaċih kien li seta’ ma jgawdix lit-tfal tiegħu Zachary u Elijah.