Elsa Romei tingħata Ħajr il-Fgura

Elsa Romei

L-eks preżentatriċi u attriċi Elsa Romei Gatt dalgħodu ġiet ippreżentat bl-unur Ħajr il-Fgura mogħti mill-Kunsill Lokali tal-Fgura għall-kontribut tagħha fil-qasam edukattiv, teatrali u televiżiv, fejn bil-kontribut tagħha ferħet lil ħafna nies.

L-ewwel ħajr ingħata lil Mary Grace Caruana għall-impenn tagħha fil-qasam letterarju u fil-promozzjoni tal-lingwa Maltija.

It-tieni ħajr ingħata lil Joseph Gouder għall-impenn tiegħu fil-kumitat tal-Ambjent u wirt storiku.

Ħajr ieħor ingħata lil Vince Borg għall-impenn tiegħu fil-qasam tal-Volontarjat

Fl-aħħar u mhux l-inqas lill-eks attriċi u preżentatriċi Elsa Romei Gatt. Hija twieldet l-Eġittu u għamlet tlett snin il-Kajr sa ma kellha seba’ snin. Ġew Malta għal ftit zmien imbagħad l-Italja u minn hekk telqu lejn l-Urugwaj, vjaġġ li kien dam għaddej għal xahar.

Missierha kien Taljan u anki kien pittur. Sfortunatment qatt ma saret tafu. Dan għaliex meta kienet żgħira ħafna kienu internawh. Kienu l-Eġittu dak iż-żmien u fil-Gwerra lit-Taljani kienu internawhom. Imbagħad meta ġew lura, il-ġenituri tagħha sseparaw.

Il-vjaġġar fi tfulitha kien wassalha biex titgħallem bosta lingwi.

Id-drama kienet dejjem tinteressaha u darba kitbet ittra lil Fr. Born li kien popolari ħafna fuq ir-Redifussion. Kien kitbilha lura u ssuġġerilha l-kumpanija Ribalta. B’hekk tħarrġet taħt Nossy Ghirlando.

Għamlet snin twal tirreċta u kienet prominenti f’uħud mill-aqwa produzzjonijiet li kienu ttellgħu f’dawn is-snin.

Kienet waqfet għal xi snin biex trabbi liż-żewġt uliedha Angele u Estelle, li din tal-aħħar nafuha bħala Marlene fis-sensiela F’Salib it-Toroq.

Kienet irritornat lura fix-xandir iżda mbagħad qatgħet mid-drama u t-televiżjoni u bdiet tiddedika aktar ħin fil-pittura u anke tellgħet xi wirjiet. Ħadet ukoll korsijiet fil-fotografija diġitali.