“Elisa kienet raġġ ta’ ferħ għal kull min jafha”

Miguela Xuereb

Iċ-ċelebrant tal-quddiesa tal-funeral ta’ Elisa Buhagiar sostna li t-tifla kienet raġġ ta’ ferħ għal kull min jafha, u ddeskriva l-karattru tagħha bħala wieħed solari.

Hi ngħatat l-aħħar tislima llum, wara li tilfet ħajjitha f’inċident traġiku fil-Manikata l-Ħamis li għadda.

Fl-omelija tiegħu, Fr Sandro Camilleri ddeskriva lil Elisa bħala libera u mimlija ilwieni sbieħ, bla maskri u kunfidenti biha nnifisha, propju qisha “farfett ħieles”. Qal li kienet tifla ta’ inizjattiva u ta’ mħabba liema bħala. Kienet tagħmel il-kartolini u fihom tikteb kliem ta’ mħabba mill-isbaħ lill-familja u dawk l-aktar qrib tagħha. Sostna li l-imħabba li kellha fiha riedet taqsamha mal-oħrajn.

Aqra: “It-talb kien ċentrali għall-ħajja ta’ Elisa”; illum il-funeral

Fr Camilleri semma li Elisa kienet ukoll simpatika u sensittiva għall-aħħar. Kienet toqgħod attenta li ma tweġġa’ lil ħadd u kellha kuraġġ kbir ġo fiha minkejja li kienet ċkejkna. Intant sostna li kienet ukoll persuna altruwista li kienet turi l-aprezzament tagħha lil dawk li jħobbuha u jridulha l-ġid.

Elisa xempju ta’ kif għandna ngħixu ħajjitna

Ma’ kull spunt, Fr Camilleri irrifletta fuq kif il-ħajja ta’ Elisa għandha tkun ta’ eżempju għall-bqija tal-bnedmin. Qal li kemm-il darba l-bniedem ma jurix ir-rispett, l-istima u l-imħabba li għandu għal ta’ madwaru. Ħafna drabi għax jistħi jew jibża’. Qal li mbagħad jiddispjaċih meta jinduna li issa tard wisq. Appella sabiex il-ġid li wieħed jista’ jagħmel jagħmlu b’mod immedjat. Insista dwar l-importanza li naħsbu fl-oħrajn u ngħidu grazzi, filwaqt li nużaw it-talenti tagħna sabiex jinħoloq il-ġid.

Aqra: Tmut tifla ta’ 10 snin f’ħabta bejn 2 karozzi fil-Manikata

“Kienet titlob talb tassew mill-qalb u sabiħ”

Fr Camilleri spjega kif meta xi jiem ilu ltaqa’ mal-familja tagħha għaraf li l-imħabba għall-ħajja ta’ Elisa kienet ġejja mir-relazzjoni tajba li kellha t-tifla ma’ Ġesù. Qal li kienet titlob mill-qalb u tgħid talb sabiħ filwaqt li l-adulti li kienu magħha kienu jibqgħu mgħaġġba bl-eżempju tagħha.

Filmat: Fr Martin Micallef