Eliminati aktar miżati għall-għaqdiet tal-volontarjat

Ġew eliminati l-miżati għall-għaqdiet tal-volontarjat li jivverifikaw l-impjegati jew voluntiera mar-Reġistru tal-Ħarsien tal-Minorenni.
Il-Ministeru għall-Ġustizzja Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari għal Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima  ħabbru li daħlu fis-seħħ il-bidliet legali biex jitneħħew il-miżati għall-għaqdiet tal-volontarjat li huma rreġistrati mal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji u li jivverifikaw l-impjegati jew voluntiera mar-Reġistru tal-Ħarsien tal-Minorenni.
Din il-proċedura kienet iġġorr spiża li tista’ tirriżulta f’piż finanzjarju għal bosta għaqdiet tal-volontarjat li jinvolvu voluntiera biex jaħdmu mal-minorenni u xi drabi jistgħu jfixklu l-konformità tal-liġijiet u joħolqu riskju għas-sigurtà tat-tfal u ż-żgħażagħ.
Il-Ministru Bonnici qal li sal-lum l-għaqdiet tal-volontarjat kienu jħallsu Eur 15 għal kull talba u Eur 3.75 għal notifika li jagħmlu biex jivverifikaw jekk impjegat jew voluntier huwiex fir-Reġistru tal-Ħarsien tal-Minorenni.  Issa dan il-ħlas mhux se jsir iktar u allura se jiġu frankati l-ispejjeż lill-għaqdiet.  
Il-Ministru sostna li komplessivament fl-2017 daħlu 419 rikors biex wieħed jiċċekkja dan ir-reġistru.
Skont il-Ministru dawn l-aħħar tliet snin minn 2015 sa 2017 daħlu mal-887 rikors.
Ritratt: DOI  – Jason Borg