Elf par żarbun għall-immigranti u l-karità

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal li l-elf par żraben ġenwini li riċentament iddaħħlu Malta b'kuntrabandu se jingħataw lill-immigranti li jinsabu fiċ-ċentri ta' detenzjoni u lil għaqdiet tal-karità. 
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Scicluna qal li s-sorveljanza u d-dwana għandhom xogħol mifrux fuq ħafna oqsma, u li għandu jkun hemm ċertezza li bil-liġijiet ma jinħolqux inċentivi biex dak li jkun jevadi t-taxxa u jdaħħal materjali u oġġetti bil-kuntrabandu.Spjega kif affarijiet li jinqabdu bil-kuntrabandu kultant jinżammu xhieda u drabi oħra jkollhom jiġu meqruda. Dan minħabba li prodotti li ma jkunux oriġinali ma jistgħux jitqassmu lanqas għal għanijiet nobbli. 
Irrefera għaI-liġi tal-Unjoni Ewropea dwar iċ-ċaqliq ħieles tal-prodotti li ma tħallix pajjiżi membri jwaqqfu merkanzija mingħajr ebda suspett. Żied jgħid li Malta tista' biss twaqqaf merkanzija f'każi li jkun hemm suspett dwar irregolaritajiet. Spjega kif l-Unjoni Ewropea kienet waqqfet lil Malta milli timponi liġijiet ħorox u twaqqaf il-maġġor parti tal-bastimenti tal-merkanzija milli jidħlu fil-portijiet Maltin. 
Il-Ministru Scicluna saħaq li fejn tidħol id-dwana u l-kuntrabandu l-liġi qed tiġi nfurzata u li l-Gvern għandu l-ħsieb li jippubblika rapporti li juru fid-dettall ix-xogħol li sar f'dan il-qasam fl-2013.