Elf Metodu se jerġa’ jsir

Is-sensiela Elf Metodu li xxandret il-Ħadd filgħaxija fuq l-istazzjon One bejn Ottubru 2018 u l-bidu ta’ Jannar 2019 se terġa’ tkun qed tixxandar.

Miktuba minn Simon Bartolo fuq idea ta’ Mark Doneo, din is-sensiela maqsuma fuq 13-il puntata se terġa’ tkun qed titwassal mit-Tnejn 27 ta’ Jannar sat-Tnejn 30 ta’ Marzu fid-9pm.

Il-ġrajja tiżvolġi madwar il-karattru ta’ Karen, parukkiera li tkun abbużata fiżikament u psikoloġikament minn żewġħa. Hi spiss toħlom kif teħles minnu, iżda dawn ikunu biss fantasiji u l-mara lanqas biss għandha kuraġġ li twettaq il-ħsibijiet tagħha.

Iżda ħajjitha tinbidel minn lejl għan-nhar meta żewġha Deemer imut b’mod vjolenti.

Tgħid qatlitu hi? Jew miet b’inċident? Hemm xhud wieħed biss… u dan huwa l-kelb Elvis!

Il-kast ta’ din is-sensiela jinkludi lil Louise Doneo, Alexia Pace, Jean Pierre Cassar, Sandra Davis, Lawrence Buontempo, Krista Vella, Christine Francalanza, Rowena Gauci Davison, Silvio Axisa u Alison Abela.

Id-direzzjoni hi ta’ Jameson Cuccardi.