Elf jum mill-qtil ta’ Daphne: Ikomplu fuq dak li bdiet hi – Repubblika

F’għeluq l-elf jum mill-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, il-moviment Repubblika jgħid li se jkomplu fuq dak li bdiet il-ġurnalista assassinata.

Fi stqarrija, Repubblika fakkret l-impenn favur dak kollu li Caruana Galizia ħadmet għalih u li minħabba fih spiċċat maqtula, inkluż l-onestà, l-imġieba xierqa u l-kontabbilità fil-ħajja pubblika.

“Aktar ma jgħaddi żmien, aktar qed naraw kemm Daphne kellha raġun meta, kultant anke waħedha, uriet li pajjiżna kien qed jinħakem mill-korruzzjoni,” qalet Repubblika.

“Intennu lill-korrotti kollha li ma rnexxilhomx iwaqqfuha għax aħna se nkomplu dak li hija bdiet,” temmet tgħid Reppublika.

Occupy Justice kommessa li tkompli taħdem għall-ġustizzja

Occupy Justice

Fi stqarrija l-għaqda Occupy Justice qalet li għadha kommessa li taħdem biex issir ġustizzja fil-każ ta’ Daphne Caruana Galizia.

Occupy Justice qalet li min qatilha ried jagħlaq ħalq dawk li jaħdmu biex jikxfu l-verità skomda. Qalet li l-vuċi ta’ Daphne għada ħajja.

Grupp ta’ attivisti mill-għaqda nġabru biex jixgħelu fjakkoli f’forma tan-numru ‘1000’ f’għeluq l-elf jum mill-assassinju.