Elezzjonijiet nhar is-Sibt 25 ta’ Mejju 2019?

L-elezzjonijiet biex jiġu eletti l-Membri tal-Parlament Ewropew se jkunu qed isiru bejn it-23 u s-26 ta’ Mejju tal-2019, dan ifisser li x’aktarx f’Malta l-elezzjonijiet isiru s-Sibt 25 ta’ Mejju.
Ħabbar dan l-Ewroparlamentari Sven Giegold li fuq Twitter kiteb li waqt laqgħa tal-mexxejja tal-gruppi politiċi tal-Parlament Ewropew ġew deċiżi dawn id-dati.
Jekk dawn id-dati jkunu approvati mill-pajjiżi membri, ikun ifisser li f’dawk il-jiem il-pajjiżi kollha membri jivvutaw biex jeleġġu l-Parlament Ewropew il-ġdid.
Kif diġà mħabbar, f’Malta se jkunu qed isiru żewġ elezzjonijiet, jiġifieri dawk tal-Parlament Ewropew u l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali kollha f’Malta u Għawdex.
Fil-Parlament Ewropew Malta għandha 6 siġġijiet. B’kollox hawn 68 kunsill lokali, 54 f’Malta u 14 f’Għawdex.