Elezzjonijiet kruċjali għall-futur tal-Ewropa

EU Spokesperson

Il-Parlament Ewropew tista' tgħid nieda t-tellieqa għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, tellieqa li ssib il-qofol tagħha fl-elezzjonijiet Ewropej tas-sena d-dieħla. Dan sar billi f'dawn il-jiem qed jitlaqgħu l-mexxejja tal-media kollha tal-Ewropa. L-enfażi hija fuq l-importanza tal-fatti b'distinzjoni minn fake news.
Fid-dawl tal-fatt li fil-binja kien hemm il-Kap Eżekuttiv ta' Facebook, Mark Zuckerberg, din l-enfasi kienet waħda sinjifikanti.
Jaume Duch Guillot, il-kelliem ewlieni tal-Parlament Ewropew qal li dawn l-elezzjonijiet, speċjalment wara Brexit u minħabba dak li qed iseħħ fl-Istati Uniti, huma ta' importanza strateġika għall-futur Ewropew.
Huwa qal li qabel ixolji, dan il-Parlament fadallu mal-450 leġiżlazzjoni oħra x'jgħaddi. L-importanza li qed tingħat lill-media hija meqjusa kruċjali minħabba li l-liġijiet iridu jitwasslu lill-pubbliku mingħajr qerq. Kontra il-fake news, jeħtieġ li jkun hemm media ta' kwalità u għalhekk, sostna Duch Guillot, qed tingħata kull għajnuna għall-informazzjoni kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll fuq livell Ewropew. Huwa qal li l-media għandha responsabbiltà li ssaħħaħ il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-proċess Ewropew.
Sylvie Guillaume, Viċi President tal-Parlament Ewropew għall-media qalet li l-ġurnaliżmu inbidel drastikament minħabba l-media soċjali u dan wassal biex naqset sew il-fiduċja fil-media.
Hija semmiet diversi sfidi fosthom l-immigrazzjoni, il-bidla fil-klima u t-tmexxija fl-Istati Uniti li, skont hi, trid tkun milqugħa b'għaqda sħiħa. Hija uriet tħassib dwar it-tmexxija ġdida fl-Italja għax qalet li dan qed iġib ammont ta' instabbiltà.
Klaus Welle, is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew qal li l-idea ta' Spitzenkandidat, jiġifieri kandidat ewlieni tal-gruppi parlamentari għall-pożizzjoni ta' President tal-Kummissjoni Ewropea, ġabet magħha benefiċċji partikolarment fil-parteċipazzjoni taċ-ċittadini. Huwa qal li jidher li l-partiti din id-darba se jinnominaw Spitzenkandidat u dan se jagħmluh sa l-aħħar tas-sena. Huwa qal li l-Unjoni Ewropea qed issofri l-konsegwenzi tal-instabbiltà fil-pajjiżi Iżlamiċi, tal-isfida li Trump qed jagħmel għall-istabbiltà dinjija u tat-terroriżmu.
Qal li l-Unjoni Ewropea se tkun qed tipproduċi eluf ta' rendikonti finanzjarji biex kulħadd ikun jaf kif il-lokalit
à tiegħu marret bi sħubija. Qal li dan se jkun aċċessibbli f'app ġdid CITIZENSAPP.
Danuta Hubner li kienet Kummissarju Ewropew u li llum tmexxi l-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali qalet li huwa fid-dmir tal-Unjoni Ewropea li tikkomunika aħjar għax il-populiżmu u l-estremiżmu jmorru id f'id u qed jirrankaw sew fl-Ewropa. Meta rreferiet għal Brexit, hija qalet li għalkemm ħadd ma kien favur dan, imma, b'rispett lejn l-għażla tal-poplu Ingliż saru l-arranġamenti meħtieġa biex il-ħruġ tal-Ingilterra issir b'mod dinjituż. Qalet li filwaqt li sa ftit xhur ilu kien hemm min kien għadu jittama li Brexit ma jseħħx, illum dan m'għadux il-każ.