Elezzjonijiet każwali għat-Tlieta li ġej

L-elezzjonijiet każwali f’seba’ distretti elettorali se jkunu qed isiru nhar it-Tlieta 20 ta’ Ġunju mit-8:00am ‘il quddiem.
Stqarrija maħruġa mill-Kummissjoni Elettorali tispjega li l-elezzjoni każwali se ssir fil-ħames, fit-tnax, fit-tieni, fid-disa', fir-raba’, fis-sitt, u fit-tmien distretti elettorali ċeduti rispettivament minn Joseph Muscat, Evarist Bartolo, Helena Dalli, Michael Falzon, Chris Fearne, Silvio Schembri, u Edward Scicluna.
Għadu mhux magħruf jekk l-elezzjoni każwali għall-kandidati tal-Partit Nazzjonalista u tal-Partit Demokratiku hux se ssir fl-istess ġurnata.
L-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista ddeċieda lbieraħ liema se jkunu dawk id-distretti li se jċedu l-kandidati Nazzjonalisti li telgħu minn żewġ distretti elettorali.
Beppe Fenech Adami se jkun qed iċedi s-seba’ distrett elettorali, Robert Arrigo l-għaxar distrett, David Agius u Simon Busuttil se jċedu l-ħdax-il distrett, filwaqt li Marthese Portelli se ċċedi t-tlettax-il distrett.
Għaldaqstant, għalissa, il-Kummissjoni Elettorali se tkun qed tirċievi n-nominazzjonijiet tal-kandidati tal-Partit Laburista għall-elezzjoni każwali biex jimtlew il-postijiet ta’ membri parlamentari.
Dawk il-kandidati li kkontestaw id-distretti elettorali msemmija fl-Elezzjoni Ġenerali tat-3 ta’ Ġunju 2017, f’isem il-Partit Laburista, u li ma ġewx eletti iżda għandhom il-kwalifiki meħtieġa biex jiġu eletti, jistgħu jippreżentaw in-nomina tagħhom bejn għada u l-Ħadd li ġej. 
Intant il-Kummissjoni Elettorali qalet li s'issa l-ebda kandidatura ma ġiet ippreżentata għall-elezzjoni każwali ta’ kunsillier għall-Kunsill Lokali tal-Fgura wara r-riżenja tal-kunsillier Byron Camilleri li ġie elett għall-Parlament u se jkun qed iservi bħala Whip tal-Gvern.

Ritratt: DOI- Jeremy Wonnacott