Elezzjonijiet inkonklussivi fi Spanja

People pick up ballots as they prepare to vote during general election in Madrid, Spain, November 10, 2019. REUTERS/Jon Nazca

L-elezzjonijiet fi Spanja kienu inkonklussivi, għaliex minkejja li Pedro Sanchez kiseb rebħa, xorta ma’ kienx biżzejjed biex ikun jista’ jiggverna mingħajr koalizzjoni. Is-sitwazzjoni kompliet tikkomplika ruħha hekk kif il-vot kompla jiġi sparpaljat bil-partit tal-lemin estrem jżidu drastikament l-ammont ta’ siġġijiet miskuba, fejn irduppjaw l-ammont ta’ membri eletti. 

Din kienet ir-raba’ elezzjoni f’erba’ snin, u bħal ta’ qabilha ir-riżultat kien wieħed frammentat. Apparti minn hekk, ir-riżultat jindika li ser ikun hemm diffikultajiet sostanzjali fin-negozjati biex jiġi iffurmat gvern. 

L-aġent Prim Ministru Soċjalista Pedro Sanchez, li kien qed jittama li jikseb iktar appoġġ biex ikun jista’ jifforma gvern, mar żmerċ fil-kalkoli tiegħu għax spiċċa tilef iktar siġġijiet u dgħajjef il-maġġoranza parlamentari tiegħu. 

Sanchez qal li b’mod jew ieħor, Spanja ser ikollha Gvern progressiv u ser jiżblokka l-imblokk li qed ikun hemm. Huwa tenna li ser ikun deċiżiv biex flimkien mal-pariti li ma jiżirgħux il-mibgħeda jifforma Gvern għal ġid tal-pajjiż.