Elezzjonijiet kruċjali fir-Russja

Test elettorali importanti għal Kremlin il-Ħadd hekk kif 160,000 kandidat qed ifittex li jirbaħ siġġu f’numru ta’ reġjuni li fihom qed isiru l-elezzjonijiet lokali fir-Russja.

L-elezzjonijiet qed isiru ġimgħat wara li l-Kap tal-Oppożizzjoni Alexei Navalny ġie avvelenat mill-Novichok.

L-Oppożizzjoni qed tallega li dan sar fuq ordni tal-President Russu Vladimir Putin.

Il-Gvern Russu ċaħad l-akkużi li l-President Russu Vladimir Putin ordna li jiġi vvalenat Alexei Navalny. Navalny huwa magħruf għall-kritika voċifera tiegħu lejn Putin.

Il-Kelliem għall-Gvern Russu, Dmitry Peskov kien qal li dawn l-allegazzjonijiet huma gidba filwaqt li ma jistgħux jittieħdu bis-serjetà.

Peskov kien poġġa dubju dwar kif it-tobba fil-Ġermanja li għaġġlu fil-konklużjoni tagħhom meta qalu li Navalny probabbilment ġie vvalenat.

It-tobba f’Berlin kienu qalu li l-kundizzjoni ta’ Navalny hija waħda serja iżda s’issa mhuwiex fil-periklu li jitlef ħajtu.

Intant, l-ispeaker tal-Kamra Russa, Vyacheslav Volodin appunta kumitat sabiex jinvestiga jekk kienx hemm indħil minn forzi barra mir-Russja f’dan il-każ.