Trump jiddikjara rebħa minkejja li għadhom jingħaddu l-voti

Aġġornat 02:09 PM

Read in English.

Il-President Amerikan Donald Trump qed jinsisti li l-għadd tal-voti fi stati fejn s’issa jidher li qiegħed fuq quddiem għandu jieqaf minnufih hekk kif iddikjara li rebaħ l-elezzjoni presidenzjali f’ħin fejn, l-esperti jaqblu, għadu wisq kmieni biex jikkonferma dan.

Mill-ewwel riżultati li ħerġin tal-elezzjoni presidenzjali fl-Istati Uniti bejn ir-Repubblikan Donald Trump u d-Demokratiku Joe Biden deher li din l-elezzjoni kienet se tkun waħda missielta sa l-aħħar. L-ewwel riżultati wrew li Trump rebaħ l-istat kruċjali ta’ Florida. 

F’dikjarazzjoni li għamel meta kien qed jindirizza lin-nazzjon qal lil dawk li jappoġġjawh biex jippreparaw għal rebħa kbira fl-elezzjoni Amerikana. Huwa qal dan f’dik li sejjaħ bħala l-iktar konferenza stampa tard li qatt indirizza. Huwa qal li Joe Biden u d-Demokratiċi kinenu qed jippruvaw jaljenaw lill-votanti tiegħu bid-dikjarazzjoni li għamel aktar kmieni.

Trump insista wkoll li se jmur għand il-Qorti Suprema biex jitwaqqfu voti ġodda. Mingħajr l-ebda provi, allega li voti “ġodda” favur Biden jafu jfeġġu biex jinbidel ir-riżultat tal-elezzjoni.

Il-President Trump, permezz ta’ Tweet qal li ser jirbaħ b’saħħtu u akkuża lid-demokratiċi li ser jipprovaw jisirqu l-elezzjoni. Huwa qal dan b’ rejazzjoni għal dak li mal Joe Biden aktar kmieni, li kien ottimist li ser jirbaħ anke jekk it-taqtiegħa kienet viċina u kien ser ikun hemm bżonn tal-paċenzja sabiex kun magħruf ir-riżultat.

L-opinjonista tal-politika internazzjonali Dr Angelo Micallef, meta kien intervistat waqt the Morning Show fuq 103, qal li dan il-pass jista’ jwassal biex ikun hemm dewmien biex jiġi dikjarat r-rebbieħ finali ta’ din l-elezzjoni. Huwa spjega li r-riżultat li hemm sa issa juri li Donald Trump għamel kampanja intelliġenti li rnexxielha tikseb mammont konsiderevoli ta’ voti ta’ kulleġġi minkejja d-distakk fil-vot popolari. Dr Micallef spjega li d-distakk naqas minħabba li f’din l-elezzjoni Trump mhuwiex kaxxa magħluqa, u allura naqqas ammont ta’ voti.

Fisser li d-dikjarazzjoni ta’ Trump tista twassal għal dewmien bier kun magħruf ir-riżultat finali hekk kif indika li ser jagħmel kawża quddiem il-Qorti Suprema biex ma jingħaddux il-voti mibgħuta bil-posta.

Stati oħra importanti bħalma huma Georgia, Pennsylvania, Michigan, Iowa u Wisconsin iżda, jidhru li jistgħu jintrebħu kemm minn naħa kif ukoll minn oħra fil-ġlieda għall-White House.

Il-BBC qed tikkalkula li Trump kapaċi jżomm l-istati ta’ Alabama, Mississippi, Wyoming, South Carolina, Kansas, Nebraska, Utah, Louisiana, Indiana, North Dakota, South Dakota, Kentucky, Tennessee, Oklahoma, Arkansas and West Virginia, kif fil-fatt kien mistenni.

Skond il-BBC wkoll, Biden mistenni jżomm l-istat tiegħu ta’ Delaware, flimkien ma’ California, New York, Oregon, Washington, Illinois, New Hampshire, Connecticut, New Mexico, Colorado, Vermont, Maryland, Massachusetts, New Jersey u Washington DC.

Fox News qed ibassru li Biden kapaċi jirbaħ l-istat ta’ Arizona, biex b’hekk jikseb il-potenzjal li jirbaħ l’hekk imsejjħa ‘blue wall states’.

Is-sostenituri taż-żewġ kandidati qed iħarsu lejn din l-elezzjoni bħala referendum dwar Trump u l-ewwel terminu ta’ presidenza tiegħu.

Trump segwa l-andament ta’ l-elezzjoni flimkien mal-familjari tiegħu fis-soġġorn tal-White House b’Melania Trump, Jared Kushner u bintu Ivanka fost oħrajn, deħlin u ħerġin mill-kamra. “Trump jinsab kalm,” qal sors familjari ma’ dak li qed iseħħ fil-Whitehouse.

Membru tat-tim ta’ Trump ikkonferma li l-burdata fil-White House hija tajba iżda “hemm ħafna nervi”.

Is-sondaġġ nazzjonali maħdum minn Edison wera’ li filwaqt li Biden jinsab fuq quddiem fost il-votanti suwed, Trump xorta rċieva proporzjon kemmxejn iżjed għoli ta’ voti mingħand votanti suwed, iżjed mill-2016. Is-sondaġġ fil-fatt, juri li 11% ta’ l-Afro-Amerikani, 31% ta’ l-Ispaniċi u 30% ta’ l-Amerikani Asjatiċi ivvutaw lil Trump, 3 punti perċentwali mill-2016 fit-tlett gruppi.

L-istħarriġ ta’ Edison sab ukoll li l-appoġġ għal Trump naqas b’madwar 3 punti fost votanti bojod anzjani, meta mqabbel mal-2016, filwaqt li żdied b’madwar 15-il punt fost il-Latinos anzjani u bi 11-il punt fost il-votanti suwed ta’ bejn it-30 u l-44 sena.

L-istħarriġ sab li Biden għamel kisbiet sinifikanti fis-subborgi. Fi 42 konteja suburbana mifruxa madwar 13-il stat fejn il-biċċa l-kbira tal-voti kienu magħduda, Biden kien jinsab madwar 5 punti perċentwali aħjar minn dak li kienet kisbet Clinton fl-2016 u milli kien kiseb Barack Obama fl-2012.

Biden, li għandu 77 sena, għad għandu bosta x’jaqdef biex jikseb il-270 vot tal-Kulleġġ Elettorali li għandu bżonn biex jirbaħ mingħajr l-istat ta’ Florida, minkejja li qatta’ ħafna ħin u nefaq ħafna flus jipprova jdawwar l-appoġġ ta’ dan l-istat favuriħ, stat li fl-2016 kien apoġġja lil Trump.