Elezzjoni MEPs: Tirranka t-tiġrija għall-aqwa kandidati

meps_candidates

Qed tirranka t-tiġrija bejn il-partiti biex jagħżlu dawk li jemmnu li huma l-aqwa kandidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew fil-25 ta’ Mejju tas-sena d-dieħla.
L-Eks Kap tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta Dr Peter Agius stqarr li se jkun disponibbli għall-Partit Nazzjonalista fil-kampanja għall-elezzjonijiet, iżda mhux neċessarjament jikkontesta.
Qed jissemmew ukoll l-Eks Ċermen ta’ Alternattiva Demokratika Michael Briguglio, l-Eks Rappreżentant tal-Prim Ministru fi Brussell Cyrus Engerer u l-korjografu u żeffien Felix Busuttil.
“Disponibbli għall-PN, mhux bilfors nikkontesta” – Peter Agius
Għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt, Dr Peter Agius qal li hu se jkun disponibbli għall-Partit Nazzjonalista, madanakollu ċċara li mhux neċessarjament jikkontesta hu stess. Stqarr li għadu kmieni biex jimpenja ruħu ġaladarba bħalissa ffukat fuq il-ħidma tiegħu mal-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani.
Esprima x-xewqa li persuni ta’ kalibru u indipendenti juru l-interess tagħhom għal din l-elezzjoni, b’mod partikolari nisa.
Dr Agius kompla jgħid li Malta gawdiet bi kbir mill-Ewropa, “iżda fl-aħħar snin qbadna t-triq tal-konfrontazzjoni”. Spjega li fis-16-il sena li ilu jaħdem fl-istituzzjonijiet Ewropej ra b’għajnejh li biex tbiddel l-affarijiet trid taħdem ma’ ħaddieħor, tkun ippreparat u konsistenti.
Sostna li mhux se jieqaf jenfasizza dwar il-bżonn li l-Ewropa tinżel fil-livell tan-nies.
Cyrus Engerer kien diġà pprova jikkontesta fl-2014
Qed jissemma wkoll Cyrus Engerer, li fil-jiem li għaddew irriżenja mill-kariga ta’ erba’ snin, bħala rappreżentant tal-Prim Ministru fi Brussell u rappreżentant tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fil-Parlament Ewropew waqt il-Presidenza Maltija.
Engerer kien ittanta xortih għall-Parlament Ewropew fl-elezzjoni tal-2014, imma rtira l-kandidatura wara li nstab ħati mill-Qorti tal-Appell Kriminali, li qalet li kien hemm raġunijiet biżżejjed li  juru li hu kien l-awtur u l-moħħ ta’ tixrid ta’ ritratti fuq l-internet għad-dannu tal-eks sieħeb tiegħu.  Dakinhar kien ingħata sentenza sospiża ta’ sentejn ħabs.
Michael Briguglio għal MEP?
Isem ieħor li qed jissemma li se jkun fuq il-polza tal-vot huwa dak ta’ Dr Michael Briguglio, attivista u Eks Ċerpersin ta’ Alternattiva Demokratika.  Is-sena li għaddiet, huwa kien wieħed mill-kelliema ewlenin li indirizzaw demostrazzjoni nazzjonali kontra l-korruzzjoni, flimkien mal-Eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil u l-Eks Kap tal-Partit Demokratiku Marlene Farrugia.
Felix Busuttil jikkunsidra serjament
Mas-sit Lovin Malta, iż-żeffien u l-korjografu Felix Busuttil ikkonferma li qed jikkunsidra serjament li jikkontesta l-elezzjoni tal-2019 f’isem il-Partit Laburista.  Waqt il-kampanja elettorali s-sena li għaddiet, Busuttil kien tkellem waqt mass meeting tal-Partit Laburista fin-Naxxar.
Fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook, li bħalissa mniżżla bħala “Partit Politiku”, Busuttil kiteb li “Kollox f’waqtu. Kollox għandu l-istaġun tiegħu. Be patient… all in time! In its time…”