Elezzjoni MEPs: Għandu jkun hemm lista waħda bejn il-pajjiżi kollha?

L-Ewroparlamentari fil-maġġoranza tagħhom huma kontra li tinħoloq lista transnazzjonali, jiġifieri lista komuni bejn l-istati membri kollha tal-Unjoni Ewropea, bil-possibilità li fil-lista l-votanti jkollhom kandidati li ma jafux.
Huma kellhom jivvutaw fuq proposta li tgħid li l-Parlament Ewropew għandu jiċkien minn 751 għal 705 Ewroparlamentari meta r-Renju Unit joħroġ mill-UE. Is-siġġijiet li jonqsu se jitqassmu fost il-pajjiżi ġodda li jidħu fl-UE, f’każ ta’ tkabbir.
Il-Parlament Ewropew approva rapport b’431 vot favur, 182 kontra u 61 astensjoni.
Il-proposta issa se tmur quddiem il-Kunsill Ewropew li jaddotta d-deċiżjoni mbagħad terġa’ tkun diskussa u approvata fil-PE. 
Il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew Alfred Sant qal li f’każ ta’ kostitwenza transnazzjonali din se jkollha effett negattiv. Dan għaliex in-nies se jkunu mitluba jivvotaw għal nies li ma tafx fuq listi tal-partiti.
Sant sostna wkoll li jekk l-MPE jkunu magħżula mill-mexxejja politiċi dawn se jkunu leali lejn il-mexxejja tagħhom. Fi kliemu dan se jirriżulta f’distakk ikbar bejn iċ-ċittadini u l-Ewroparlamentari eletti.