​Elezzjoni li tmiss mal-ħajja ta’ kuljum – opinjonisti dwar l-elezzjoni Taljana

Ir-riċerkatur dwar affarijiet internazzjonali Andre Debattista u l-opinjonista dwar affarijiet internazzjonali Dr Rudolph Ragonesi qalu li l-elezzjoni ġenerali li kellha l-Italja kienet waħda dwar “bread and butter issues”, jiġifieri affarijiet li jaffettwaw il-ħajja ta’ kuljum.
Waqt il-programm Follow Up fuq RTK 103FM fit-taqsima dwar l-elezzjoni ġenerali tal-Italja, Andre Debattista qal li ħafna nies ma jivvutawx għall-ideoloġija ta’ partit imma minħabba kwistjonijiet bażiċi.
Debattista beda billi qal li kien mistenni li l-koalizzjoni ta’ Berlusconi ġġib l-akbar ammont ta’ voti daqskemm kien mistenni li l-Movimen tal-Ħames Stilel jikseb l-akbar ammont ta’ voti bħala moviment waħdieni.
Madanakollu qal li ma kienx mistenni li l-ebda partit ma jiġbor maġġoranza u li l-Lega Nord iġġib aktar voti mill-Forza Italia.
Dr Ragonesi semma kif il-partiti stabbiliti ma kienux qed joffru soluzzjonijiet. Qal li l-aspetti ekonomiċi tal-pajjiż ma kienux qed jgħinu. Qal li partiti bħal dak ta’ Berlusconi kellhom vantaġġ fil-midja tal-pajjiż minħabba li għandu interessi qawwija fil-kumpaniji tal-midja.
Il-preżentatriċi Sylvana Debono qalet li fil-fehma tagħha, ma kienx hemm rebbieħa f’din l-elezzjoni iżda telliefa, b’mod speċjali l-kunċett tal-Ewropa.
Dwar dan il-punt, Ragonesi qal li l-Ewropa fl-ideali tagħha għandha ħafna vantaġġi. Imma reġa’ qajjem il-punt tal-bread and butter issues meta jittieħdu ċertu miżuri mill-Unjoni Ewropea li jaffettwaw lin-nies b’mod dirett.
Debattista qal li bħalissa hemm bħal qisu moviment kontra l-politika. Spjega li l-politika saret waħda mill-unika oqsma li fiha jekk ma jkollokx esperjenza, din isservi bħala ħaġa vantaġġjuża.
Ragonesi semma kif kwistjoni prinċipali tal-elezzjoni Taljana kienet torbot mal-immigrazzjoni. Qal li Malta qiegħda f’fażi ta’ tkabbir ekonomiku. Qal li qed jiddaħħlu barranin fil-pajjiż peress li mhemmx biżżejjed ħaddiema. Żied jgħid li mill-banda l-oħra, jekk pajjiż ikun għaddejj minn kriżi ekonomika, wieħed iħares lejn l-immigrazzjoni bħala xi ħaġa żejda.
Waqt il-programm Follow Up ġiet intervistata wkoll il-Kap tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f'Malta Dr Elena Grech minn Fr Joe Borg.
Hi fakkret kif fl-aħħar elezzjonijiet prominenti fl-Ewropa, il-partiti li rebħu kienu favur l-Ewropa. Madanakollu, ammettiet li partiti li huma kontra l-Ewropa qed jissaħħu.
Iddeskriviet is-sentiment tal-votanti bħala wieħed li “ma tafx fejn se tagħti rasek, basta tkun kontra l-Gvern”.
Grech irrimarkat li huwa xi ħaġa tajba li wieħed ikollu kritika kostruttiva dwar l-Ewropa. Qalet li hi stess għandna tħassib dwar l-UE. Però, żiedet tgħid li l-Ewro xettiċiżmu huwa perikoluż.